Lokali

Bernard Grech ikompli l-ħidma fost l-Għawdxin: “Se nibqgħu viċin biex nagħrfu l-isfidi tan-nies”

Ma taqta’ xejn il-ħidma tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sabiex verament jibqa’ jħoss il-polz tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

F’kollegament telefoniku waqt il-programm Analiżi fuq NET Television, Bernard Grech qal li huwa qatta’ tmiem il-ġimgħa fil-gżira Għawdxija sabiex jisma’ l-isfidi li n-nies għaddejjin minnhom ta’ kuljum.

“Aħna mhux biss nippjanaw imma naqsmu wkoll l-esperjenzi tan-nies,” qal Bernard Grech. “Politika l-ħin kollu tinbidel u b’hekk għandna ngħarfu x’inhuma l-isfidi tan-nies. U b’hekk se nibqgħu niltaqgħu man-nies.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Angelo Gafà, f’dawn l-aħħar snin naqas quddiem il-ħtiġijiet tal-poplu, b’Abela jinjora dak li qed iħossu n-nies.

“Evidentament qiegħed hemm biex jipproteġi l-interessi tal-qalba,” qal Bernard Grech. “Le, m’għandux jibqa’ hemm. Imma l-Gvern huwa dgħajjef u mhux kapaċi jneħħih. Jeħtieġ li l-Kummissarju jintgħażel biż-żewġ terzi tal-Parlament u din se nresquha fil-Parlament.”

Kien hawnhekk fejn Bernard Grech wiegħed ħidma kontra dawk il-persuni li abbużaw mill-irwol tagħhom.

“Gvern Nazzjonalista jassigura li jinvestiga lil dawk imdaħħlin f’xi ħadma,” qal Bernard Grech.

Fl-aħħar ġimgħat sar magħruf li l-Gvern Laburista ta’ Robert Abela daħħal lil Malta fl-excessive deficit procedure wara żieda ta’ biljuni ta’ ewro ta’ dejn fuq pajjiżna.

“Dan huwa Gvern li qed jissussidja l-korruzzjoni,” qal Bernard Grech. “B’riżultat li m’għandux biżżejjed flus biex jgħin lil dawk verament fil-bżonn. Ma tgħidx li bnew xi ħaġa sabiex żied id-dejn għal 5 biljuni. M’għamel xejn.”

Intant, Bernard Grech fakkar dwar l-avveniment importanti tal-21 ta’ Settembru, bil-Partit Nazzjonalista li beda bi tħejjija għal dan il-jum.

“L-Indipendenza hija avveniment importanti, b’din is-sena se nfakkru s-60 sena, u b’hekk se niċċelebraw flimkien,” qal Bernard Grech.