“Hija ta’ weġgħa għalina l-edukaturi li ma nagħtux il-marki lill-istudenti tagħna imma nafu li jekk ma nagħmlux hekk ħa nibqgħu bla kundizzjonijiet u pagi aħjar.”
Kien dan is-sentiment li esprimew numru ta’ letturi fl-MCAST hekk kif spjegaw li waħda mill-isbaħ affarijiet li huma jesperjenzaw bħala edukaturi huwa meta jaraw lill-istudenti tagħhom jiggradwaw u jaħdmu fis-settur li huma jkunu studjaw fih.
Il-letturi tal-MCAST kienu ilhom xhur sħaħ isegwu numru ta’ direttivi maħruġa mill-MUT bil-għan li dawn jingħataw pagi aħjar. Fost l-oħrajn, il-letturi kienu qed isegwu direttiva biex ma jdaħlux il-marki fid-database ‘classter’, liema direttiva issa ġiet imneħħija u l-letturi għaddew il-marki f’din id-database.
Wara l-proċess tal-inputting tal-marki, normalment ikun fadal il-proċess tal-verification fejn lettur ieħor jikkonferma jekk il-marka li ngħatat hix ġusta jew le – liema proċess il-letturi għadhom mhux qed jagħmlu skont id-direttivi tal-MUT. Kien hawnhekk fejn l-amministrazzjoni tal-MCAST daħlet il-proċess tal-administrative pass fejn kull student, irrispettivament jekk ġabx il-marki neċessarji jew le, għadda awtomatikament – xi ħaġa li qed titqies minn ħafna letturi bħala insult għall-professjoni tagħhom.
Meta tkellmu ma’ Net News, diversi letturi kienu stqarrew li ma jistgħux jifhmu kif letturi fl-Università li jgħallmu l-istess grad għandhom pagi ħafna aħjar, saħansitra kien hemm letturi li qalulna li l-paga tagħhom hija inqas mill-paga tal-letturi tal-Junior College.
Net News kiseb ukoll il-collective agreement tal-MCAST li skada fl-2022, kif ukoll il-collective agreement tal-Junior College li juri l-pagi differenti li jaqilgħu diversi letturi skont il-grad li huma għandhom u b’hekk ikkonferma li f’kull każ lettur fl-MCAST jitħallas inqas.
Lettur fl-MCAST jibda b’paga ta’ €29,774 u matul is-snin jiżdied b’medja ta’ €548 sakemm jitla’ għal paga ta’ €33,062.
Dan juri li lettur fl-MCAST jibda b’paga li hija kważi €3,000 inqas mill-medja ta’ kemm jaqla’ edukatur ta’ skola fuq livell post-sekondarju f’Malta stess, fejn fuq medja fl-2022 kien jaqla’ €32,747 fis-sena.
Ta’ min jinnota wkoll li l-paga medja f’Malta hija ferm baxxa meta kkumparata mal-paga medja fl-Unjoni Ewropea. Il-Portugal, Franza, l-Iżvezja, il-Belġju, il-Finlandja, l-Irlanda, l-Awstrija, il-Ġermanja u anke d-Danimarka, fost oħrajn, kollha għandhom pagi ferm ogħla minn ta’ Malta. Saħansitra anke l-ġirien tagħna l-Italja u Ċipru għandom pagi li jlaħqu €33,036 u € 47,964 rispettivament, skont ċifri maħruġha fl-2022.
Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jitkellem dwar pagi aħjar għall-għalliema u għandu viżjoni wkoll ta’ fejn jixtieq lis-settur tal-edukazzjoni jasal. Fost oħrajn li jkun hemm pagi ugwali għal kull lettur irrispetivament f’liema istituzzjoni edukattiva jaħdem.
//= $special ?>