Wara li Roger Agius insista li Andy Ellul, li preżentament jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, huwa kompliċi fl-iskandlu tal-benefiċċji soċjali, il-Gvern ħareġ jattakka lil dan il-whistleblower u saħansitra ngħad li Agius qiegħed jivvinta.
Dan ġie ddikjarat fi stqarrija ppubblikata mill-Gvern is-Sibt waranofsinhar wara li Roger Agius – l-eks xufier ta’ Ellul u wieħed mill-akkużati bis-sehem tiegħu f’dan ir-racket li jmur lura għal Novembru tal-2023 – ta dikjarazzjoni dettaljata lill-Pulizija u implika b’mod dirett nies minn Kastilja u persuni fil-Kabinett Laburista kompliċi f’dan il-frodi minn fondi pubbliċi.
Fl-istqarrija, ġie innotat li l-Gvern ma wieġeb xejn dwar Andy Ellul, iżda attakka lil Roger Agius b’mod personali u akkużah li qed jigdeb.
Fid-dikjarazzjoni tiegħu lill-Pulizija, Roger Agius iddikjara li kellu l-barka tal-imsemmi Segretarju Parlamentari biex ma jmurx għax-xoghol f’Kastilja iżda jiffirma u jitlaq u joqgħod idurlu d-distrett.
L-istess Agius saħaq mal-Ispettur, Shaun Farrugia, li kien qal lill-imsemmi Segretarju Parlamentari li hu ma setax ikun ix-xufier tiegħu għax ibati mill-kundizzjoni tal-epilepsija u għaldaqstant kien ipprojbit milli jsuq, tant li saħansitra suppost kien irritorna l-liċenzja tas-sewqan.
Madanakollu, allegatament, Andy Ellul żammu miegħu xorta’ waħda.
Intant, minkejja li saru diversi appelli minn Roger Agius u l-Avukat tiegħu Jason Azzopardi, fost oħrajn, Agius għadu ma ngħatax l-istatus ta’ whistleblower sabiex jikxef min kien il-moħħ wara dan l-iskandlu li jinvolvi frodi minn flus il-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>