In-nies iridu jaraw bidla reali fil-mod kif jitmexxa l-pajjiż. U l-Labour qiegħed jirriskja li jitlef l-elezzjoni ġenerali li jmiss jekk dan ma jseħħx.
Hekk saħaq il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana f’intervista mat-Times of Malta…fejn f’botta ċara lit-tmexxija laburista huwa insista li jrid ikun hemm “bidla reali.” Dan fl-isfond ta’ rapport interni li qed jikxfu kif it-tmexxija tal-Labour ma’ trid tieħu l-ebda responsabbilità ta’ dak kollu li ġara fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju.
Clyde Caruana minn naħa tiegħu qal illi jinsab konvint li l-poplu Malti u Għawdxi qed jitlef il-paċenzja mal-Gvern tiegħu, għaliex in-nies qed jgħixu f’pajjiż iffullat iżżejjed.
Huwa innota wkoll li t-twissija tiegħu dwar il-popolazzjoni ta’ Malta li qed tiżdied waqgħet fuq widnejn torox, anke jekk bosta drabi hu kien wieħed minn dawk il-vuċijiet illi sostna li pajjiżna jeħtieġ aktar u mhux inqas barranin
Il-Ministru Caruana semma’ kif f’pajjiżna l-popolazzjoni riesqa lejn 600,000 – u ‘l quddiem għad tiżdied iktar. Dan juri biċ-ċar kemm hi kbira l-problema tal-overpopulation; problema li qed taffetwa l-pajjiż kollu minn kull aspett.
Il-Ministru insista li jekk il-kollegi tiegħu fil-Gvern ma jarawx is-sens ta’ urġenza tiegħu, kollox se jibqa’ kif inhu – botta ċara lill-Ministri tal-Kabinett.
Intant, meta ġie mistoqsi dwar il-futur ta’ Robert Abela bħala mexxej tal-Labour u Prim Ministru, il-Ministru tal-Finanzi qal biss li “ġimgħa hija żmien twil fil-politika”.