Żewġ suċċessi kbar għat-timijiet nazzjonali Maltin hekk kif it-tim tan-nisa u tal-irġiel għaddew għall-finali tal-FIBA Championship għall-pajjiżi żgħar tal-Ewropa.
It-tim tan-nisa mmexxi minn Charles Bonnici, komplew il-mixja impresjonanti tagħhom hekk kif għelbu lill-Albanija bl-iskor ta’ 75-62, biex b’hekk għadhom ma tilfu l-ebda partita minn din il-kompetizzjoni.
Amber Costance Melgoza kienet l-aqwa skorer Maltija f’din il-partita b’17-il punt, segwita minn Steffi Di Martino u Kirsty Galea bi 15-il punt.
L-ewwel sessjoni ntemmet bl-iskor ta’ 28-13 għat-tfajliet Maltin, bl-Albaniżi jipprovaw jirrispondu fit-tieni sessjoni, però l-Maltin estendew il-vantaġġ għall-iskor ta’ 41-28.
Minkejja d-distakk sostanzjali, il-Maltin ma wafqux fl-attakki tagħhom, biex temmew it-tielet sessjoni bl-iskor ta’ 66-45.
Illum Malta taffronta lin-Norveġja fil-finali fit-8:30pm.
Minn naħa l-oħra, it-tim nazzjonali Malti tal-irġiel ukoll għadda għall-finali fil-FIBA Championship għall-pajjiżi żgħar tal-Ewropa wara li għelbu lill-Ġibiltà bl-iskor finali jkun 85-79.
Malta issa jmissha taffronta lil Andorra fil-finali llejla fis-7:30pm.
Samuel Deguara għamel id-differenza kollha fil-partita hekk kif skorja 25 punt.
It-tim ta’ Duncan Fenech beda l-ewwel sessjoni b’distakk ta’ biss punt, bl-iskor ikun 21-20. Fit-tieni sessjoni l-Maltin estendew il-vantaġġ tagħhom għall-46-36.
Ġibiltà rnexxilu jniżżel id-distakk għal biss 7 punti fit-tielet sessjoni, biex fl-aħħar sessjoni Malta ħadet ir-rebħa tant importanti bl-iskor finali jkun 85-79.
//= $special ?>