Internazzjonali

L-elezzjonijiet fi Franza: Kisbiet kbar għall-estremisti tal-lemin li huma ‘lesti biex jiktbu l-istorja’

Il-Partit Rally Nazzjonali (RN) ta’ Marine Le Pen u Jordan Bardella għamel kisbiet kbar fl-ewwel rawnd tal-elezzjonijiet bikrija għall-Parlament – elezzjonijiet li għandhom sinifikat kbir mhux biss għal Franza iżda anki għall-Ewropa.

Dan sar magħruf ftit tal-ħin ilu skont l-ewwel exit polls minn Pariġi – bl-aħbar kapaċi tfisser theżżiża storika għall-ispektrum politiku fi Franza, Fil-fatt, l-estremisti tal-lemin (tal-RN) qed jidhru qrib ħafna li jsiru l-akbar partit fi Franza u fost l-umiljazzjoni tal-President Franċiż Emmanuel Macron li qed imexxi l-Alleanza liberali Ensemble.

Tant l-affarijiet qed jidhru ħżiena għal Macron, li l-Ensemble kapaċi tispiċċa t-tielet l-akbar forza politika fi Franza wara r-Rally Nazzjonali u l-koalizzjoni tax-xellug bl-isem Front Ġdid Popolari.

Issa, mistenni li t-tieni fażi tal-elezzjoni – ipprogrammata għall-Ħadd li ġej – għandha twassal għall-aktar konsegwenzi politiċi importanti għall-poplu mit-twaqqif, fl-1958, tal-Ħames Repubblika ta’ Franza. Għaldaqstant, qed tinħass sew l-ansjetà tal-partiti tradizzjonali peress li l-estremisti tal-lemin Franċiżi huma pass biss ‘il bogħod milli ‘jiksbu l-poter għall-ewwel darba fl-istorja moderna tal-pajjiż

B’hekk ukoll jidher li l-estremisti ta’ Le Pen u Bardella komplew fejn ħallew wara s-suċċessi ta’ jiem ilu fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew….Suċċessi li wasslu biex il-President Franċiż, Emmanuel Macron, isejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija fost is-sorpriża tal-poplu.

Kollox, intant, qed jindika l-aktar ‘turnout’ qawwi f’40 sena (għal elezzjoni fi Franza) fost il-poplu ta’ 49 miljun. Poplu li fuq kollox hu konxju mill-importanza tal-elezzjonijiet u l-fattur storiku potenzjali għall-pajjiż u l-Ewropa.

Ħafna fost il-577 siġġu tal-Assemblea Nazzjonali, sadanittant, m’għandhomx ikunu deċiżi qabel it-tieni vot ‘finali’ tal-Ħadd li ġej u wara kampanja elettorali li damet biss 20 jum. Intant, iż-żmien qasir tal-kampanja anki benefika lir-Rally Nazzjonali – bil-partit li ma jitlifx opportunità waħda biex jirrepeti l-wegħdi biex jindirizza lill-immigrazzjoni bla rażan, il-kriminalità u t-tnaqqir fis-sens tas-sigurtà fost il-Franċiżi.

Fl-istess ħin, il-wiegħda tal-estremisti tal-lemin biex inaqqsu mit-taxxa jekk kemm-il darba huma jitilgħu fil-Gvern, qed tidher li attirat dejjem aktar votanti ġodda – l-istess bħall-wiegħda biex il-partit jindirizza l-kriżi tal-għoli tal-ħajja.

Sadanittant, Jordan Bardella jrid isir l-ewwel rappreżentant ewlieni tar-Rally Nazzjonali fir-rwol ta’ Prim Ministru Franċiż. Fl-istess ħin, il-partit tiegħu qed jidher fiduċjuż li jirbaħ f’għexieren ta’ kostitwenti madwar Franza ‘mingħajr il-ħtieġa għat-tieni votazzjoni’.

Madankollu, Jordan Bardella qal li għandu jaċċetta biss ir-rwol ta’ Prim Ministru jekk kemm-il darba l-partit tiegħu jikseb maġġoranza assoluta tas-siġġijiet fil-Parlament – u f’liema każ ikun irrappreżentat b’289 deputat fl-Assemblea ta’ Pariġi.