Minkejja li għadhom mhux megħluba f’din l-edizzjoni u rebħu l-grupp tagħhom, il-pressjoni tinsab fuq l-Ingilterra minħabba prestazzjonijiet xejn spettakolari. Wara rebħa minima ta’ 1-0 fuq is-Serbja u draw ta’ 1-1 kontra d-Danimarka, id-draw ta’ 0-0 kontra s-Slovenja wassal għal reazzjoni negattiva minn uħud mill-partitarji li kienu preżenti f’Cologne filwaqt li diversi opinjonisti kienu kritiċi tal-prestazzjoni u l-kowċ nazzjonali.
Bil-favoriti jistgħu biss jiltaqgħu kontra l-Ingliżi fil-finali, it-tamiet ta’ dawk li jsegwu t-tim Ingliż reġgħu kibru filwaqt li iżda żdiedet il-pressjoni fuq il-plejers u l-kowċ Gareth Southgate li jiksbu riżultati pożittivi u fuq kollox itejbu l-prestazzjonijiet.
L-Ingilterra qed tittama li tkabbar is-serje mingħajr telfa kontra s-Slovakkja b’ħames rebħiet mis-sitt konfronti preċedenti, bl-uniku darba li ma rebħux kienet id-draw ta’ 0-0 waqt l-Euro 2016. Fuq in-naħa l-oħra, is-Slovakki urew li kapaċi joħolqu s-sorpriżi fosthom ir-rebħa ta’ 1-0 kontra l-Belġju fl-ewwel logħba tal-grupp tagħhom.
Immexxija mill-kowċ Taljan Francesco Calzona, is-Slovakkja ħadet iktar xejra ta’ tim li jattakka, b’żewġ telfiet biss mill-għaxar logħbiet tal-grupp ta’ kwalifikazzjoni. Mit-tliet logħbiet tal-grupp, kisbu rekord nazzjonali f’tournament maġġuri b’37 xutt li 13 minnhom kienu fil-lasta. Dan minkejja li l-età medja fit-tim hu pjuttost għolja.
Gareth Southgate mistenni li jkollu lura għad-dispożizzjoni d-difensur Luke Shaw li sa issa għadu ma kienx inkluż minħabba li kien imweġġa’. Dubjużi huma Kieran Trippier u Declan Rice, b’tal-aħħar għandu aktar ċans li jirkupra fil-ħin. Phil Foden irritorna fl-iskwadra wara li vjaġġa lejn pajjiżu minħabba t-twelid tat-tielet wild tiegħu.
Francesco Calzona mhux mistenni li jagħmel tibdil kbir fl-ewwel ħdax. Il-gowlkiper Martin Dubravka, id-difensur Milan Skriniar u l-midfielder Stanislav Lobotka mistennija jkunu l-plejers fondamentali fit-tim.
//= $special ?>