Gowl fl-aħħar minuta tal-ħin regolamentari u gowl fil-bidu tal-ħin barrani, kienu biżżejjed biex l-Ingilterra tegħleb l-ostaklu tas-Slovakkja u b’hekk se tilgħab fil-kwarti tal-finali kontra l-Iżvizzera. Konfront li fih l-Ingliżi kienu qrib eliminazzjoni diżappuntanti iżda kellhom bżonn mument ta’ kwalità miż-żagħżugħ Jude Bellingham, bil-captain Harry Kane jiskorja dak li fisser il-gowl tal-kwalifikazzjoni.
Is-Slovakki ħolqu l-ewwel periklu wara 12-il minuta meta Lukáš Haraslin daħal fil-kaxxa iżda x-xutt finali ġie blokkat fil-ħin minn Marc Guehi, bid-difiża Ingliża tbiegħed il-periklu b’xi mod. Kobbie Mainoo mar qrib għat-tim Ingliż fl-24 minuta b’xutt mill-ewwel minn barra l-kaxxa li niżel fuq il-mimduda.
Il-gowl tal-vantaġġ għas-Slovakkja wasal fil-25 minuta. Id-difiża Ingliża nqabdet fuq sieq waħda wara li Guehi tilef dwell fl-arja, David Strelec b’intelliġenza għadda lejn IVAN SCHRANZ li kkontrolla u ddefenda l-ballun qabel għeleb lil Jordan Pickford b’konklużjoni fil-baxx.
Ir-reazzjoni tal-Ingilterra wara l-gowl kienet pjuttost fjakka. Minkejja l-pussess, il-pressjoni fuq id-difiża avversarja ma kinitx insistenti biżżejjed għal numru ta’ korners u blalen indirizzati fil-kaxxa.
L-Ingliżi ħarġu tajjeb fit-tieni taqsima u kienu għoddhom ġabu d-draw fil-50 minuta permezz ta’ Phil Foden, iżda l-midfielder kien f’pożizzjoni ta’ offside meta rċieva l-ballun mingħand Kieran Trippier qabel kompla għal ġewwa.
It-tim Ingliż tefa’ lill-avversarji f’nofs il-grawnd tagħhom iżda mingħajr ma nkwieta serjament lil Martin Dubravka fil-lasta. Kien Declan Rice li mar viċin li jġib id-draw fil-81 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa li stampa mal-wieqfa, b’Harry Kane jitfa’ barra mir-rebound.
Meta kollox deher destinat, l-Ingilterra ġabet id-draw fil-95 minuta. Kien throw-in ta’ Kyle Walker, Guehi niżżel bir-ras lura fid-direzzjoni ta’ JUDE BELLINGHAM li b’ġest akrobatiku ħalla lil Dubravka jħares, f’dak li kien l-ewwel tentattiv fil-lasta għall-Ingliżi.
It-tim ta’ Gareth Southgate finalment mar fil-vantaġġ u skorja l-gowl tar-rebħa fit-tieni minuta tal-ħin barrani. Free-kick ta’ Palmer ġie mbiegħed parzjalment, is-sostitut Eze għadda lejn is-sostitut l-ieħor Ivan Toney li kompla fid-direzzjoni ta’ HARRY KANE li mill-viċin skorja b’daqqa ta’ ras.
//= $special ?>