Mumenti huwa proġett li għaddej bħalissa fl-Azzjoni Kattolika Maltija u huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti permezz tal-fondi The Right to Culture. Dan il-proġett beda fi Frar li għadda u se jibqa’ għaddej sa Frar li ġej. L-iskop ta’ dan il-proġett huwa li jinħolqu serje ta’ mumenti fejn ġenerazzjonijiet differenti ta’ membri tal-Azzjoni Kattolika, jingħataw l-opportunità li jiltaqgħu flimkien u jesperjenzaw esperjenzi kreattivi flimkien.
Dawn il-mumenti qed iservu ukoll ta’ spazju fejn l-anzjani, adulti u ż-żgħażagħ qed jiddjalogaw waqt li jieħdu gost flimkien. S’issa ġew organizzati 3 ħarġiet kulturali fil-Belt, fir-Rabat u fl-Imdina, u fi 8 ċentri differenti madwar Malta ttellgħu 3 workshops tal-arti, 3 workshops tal-mużika, workshop taż-żfin, workshop tad-drama u 5 workshops tal-kitba kreattiva. Dawn il-workshops setgħu isiru biss permezz ta’ numru ta’ artisti kreattivi li ppreparaw u mexxew dawn il-workshops b’parteċipanti minn ġenerazzjonijiet differenti li żgur mhix xi ħaġa faċli.
Fil-workshops tal-arti, l-artist Ian Stilon, stieden lill-parteċipanti jivviżwalizzaw u jiddiskutu l-isfidi li jiffaċjaw u jaħsbu fl-affarijiet pożittivi li jgħinuhom jegħlbuhom. L-anzjani u ż-żgħażagħ imbagħad flimkien penġew dak li ddiskutew permezz tal-materjal provdut, u fl-aħħar qassmuhom mal-parteċipanti l-oħra.
Fil-workshops tal-mużika, l-mużiċist Banjo Rancho pprovda t-tnabar u strumenti oħrajn biex il-parteċipanti jkunu jistgħu joħolqu ritmu u armonija sabiħa flimkien minkejja d-differenza kbira fl-età.
Fil-workshop taż-żfin, iż-żeffiena Sarah Vella għenet lill-parteċipanti żgħażagħ u anzjani biex jinsew l-inibizzjonijiet, jinsew il-mistħija u jiksbu sens ta’ libertà biex jesprimu lilhom infushom permezz tal-moviment.
Fil-workshop tad-drama, l-attur Nicky Gambin għen liż-żgħażagħ u l-anzjani jibnu konnessjoni flimkien billi jirreċtaw sitwazzjonijiet differenti flimkien. Permezz tal-workshops tal-kitba l-parteċipanti kellhom iċ-ċans jiddiskutu kitbiet kreattivi ta’ kittieba Maltin li pprepara għalihom Kit Azzopardi. Wara dan il-workshop il-parteċipanti żgħażagħ u anzjani issa qed jikkorespondu flimkien bħala penfriends billi jibagħtu l-postcards li xulxin.
Il-pass li jmiss se jkompli wara s-sajf u se jinvolvi l-produzzjoni ta’ 3 podcasts. Grupp żgħir ta’ żgħażagħ se jkunu qed jirċievu training biex jiksbu ħiliet biex jitkellmu fuq il-media, kif jippreparaw il-mistoqsijiet li jistgħu isaqsu, kif ukoll tips ta’ kif jintervistaw lill-mistednin li se jkollhom fil-podcasts. Fil-podcasts mistenni li se jkunu mistiedna persuni minn ġenerazjonijiet differenti li fl-esperjenza tagħhom jistgħu jirrakontaw kif l-Azzjoni Kattolika kellha impatt fuq ix-xena kulturali u soċjo-politika ta’ pajjiżna.
//= $special ?>