George Russell gawda mid-dwell bejn Max Verstappen u Lando Norris biex rebaħ il-Grand Prix tal-Awstrija. Din kienet l-ewwel rebħa għalih mit-tellieqa fil-Brażil fl-2022.
Verstappen kien fuq quddiem għal prattikament it-tellieqa kollha. Norris baqa’ konsistentament warajh sakemm wara t-tieni waqfa, il-Britanniku naqqas id-distakk mis-sewwieq tar-Red Bull b’mod konsiderevoli. Kien fl-64 dawra li ż-żewġ sewwieqa kellhom kuntatt, b’Norris ikun kostrett jirtira filwaqt li Verstappen niżel fil-ħames post.
Russell gawda minn dan id-dwell biex ikkontrolla l-isforzi ta’ Oscar Piastri ta’ McLaren u kiseb it-tieni rebħa fil-karriera. Piastri kklassifika fit-tieni post segwit minn Carlos Sainz tal-Ferrari u Lewis Hamilton ta’ Mercedes.
Nico Hulkenberg ta’ Haas irnexxielu jidħol fis-sitt post qabel it-tieni sewwieq ta’ Red Bull Sergio Perez. Kevin Magnussen ta’ Haas, Daniel Ricciardo ta’ RB u Pierre Gasly ta’ Alpine komplew l-ewwel għaxra. It-tellieqa li jmiss issir fiċ-ċirkwit ta’ Silverstone, fir-Renju Unit, il-Ħadd 7 ta’ Lulju.
//= $special ?>