Lokali

Sajjieda ġew salvati mill-Protezzjoni Ċivili wara li għerqet lanċa tas-sajd viċin Filfla

Sajjied Malti u tliet sajjieda mill-Indoneżja ġew salvati mill-Protezzjoni Ċivili wara li għerqet lanċa tas-sajd viċin Filfla, fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd.

Il-Forzi Armati u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wettqu operazzjoni ta’ salvataġġ wara li rċevew talba għall-għajnuna. Huma marru fuq il-post permezz tal-laneċ tas-salvataġġ Melita u Delta II, kif ukoll b’ħelikopter.

L-irġiel instabu fuq raft viċin fejn intalbet l-assistenza u ġew salvati. L-erba’ sajjieda ttieħdu l-art fejn ingħataw assistenza minn tim mediku.

Jidher li s-sajjieda rrifjutaw milli jittieħdu l-Isptar Mater Dei hekk kif ma sofrewx minn grieħi gravi.