Luciano Spalletti ġie kkonfermat bħala kowċ nazzjonali Taljan l-għada tal-eliminazzjoni tal-Italja fil-fażi tal-aħħar 16 kontra l-Iżvizzera. F’konferenza stampa, il-President tal-FIGC Gabriele Gravina qal li jeżisti sens ta’ dispjaċir li l-preparazzjoni li saret ma waslitx għar-riżultati mixtieqa.
Hu kkonferma lil Spalletti u qal li ma jistax jiġi abbandunat proġett li mill-bidu tiegħu għandu pjan ta’ tliet snin. “Ma nistax naħseb li nabbanduna proġett wara tmienja disa’ xhur ta’ attività. Hemm x’jinbidel u nirrevedu affarijiet f’termini tal-mod kif inħarsu lejhom. Se jkun hemm riflessjonijiet profondi u lbieraħ filgħaxija stess tkellimna ma’ Spalletti.”
Gabriele Gravina tkellem ukoll fuq is-sitwazzjoni tiegħu. Hu qal li ma jaħrabx mir-responsabbiltà u għalkemm il-kritika li tweġġa’ ddejqu, saħaq li għandhom jisimgħu l-kritika kostruttiva li ssir.
Gravina tkellem dwar l-ispazju li jingħataw iż-żgħażagħ u qal li hemm biss terz tal-plejers li jilagħbu fis-Serie A li huma Taljani. “M’hemmx l-atteġjament kulturali biex nifhmu li biex insolvu l-problemi, l-akkademji tagħna huma soluzzjoni. Mhux qed nifhmu li meta taħdem maż-żgħażagħ mhumiex spiża imma investiment.”
Mistoqsi dwar x’seta’ jagħmel differenti kieku jmur lura, Luciano Spalletti qal li lura ma jistax imur iżda minn dak li wieħed seta’ jara, żbalji saru. Hu kompla li prova jagħmel skwadra żagħżugħa u żied li fil-futur se jkompli jimxi fuq din l-idea li jagħti aktar spazju lill-plejers żgħażagħ.
//= $special ?>