Ir-rebħ tat-tliet logħbiet fil-grupp għall-ewwel darba mill-2008, ikkonfermaw il-potenzjal ta’ Spanja fost il-favoriti ta’ din l-edizzjoni. Wara żewġ rebħiet kontra l-Kroazja u l-Italja, il-kowċ Luis de la Fuente seta’ jagħmel bidla sħiħa fit-tim u xorta kiseb il-massimu tal-punti kontra l-Albanija.
L-Ispanjoli għadhom ma sofrewx gowl fi tliet logħbiet u l-aħħar darba li ma sofrewx gowl f’erba’ logħbiet f’kompetizzjoni maġġuri, kien fl-2012 meta l-aħħar li rebħu l-Kampjonat Ewropew. Fl-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, Spanja kienet ġiet eliminata mill-Marokk u din id-darba reġgħu se jilagħbu kontra nazzjon li ma għandu xejn x’jitlef.
Sa issa, Spanja rebħet sitta mis-seba’ logħbiet preċedenti kontra Georgia fosthom żewġ logħbiet fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni. L-Ispanjoli rebħu 7-1 u 3-1, bil-logħba meta sofrew sebgħa kienet l-akbar telfa internazzjonali. Madankollu minn dakinhar, il-Georgjani għamlu progress sinifikanti, tant li kkwalifikaw biex jikkompetu f’kompetizzjoni maġġuri għall-ewwel darba u eventwalment se jilagħbu mal-aħħar 16.
Wara li ssieltu kontra t-Turkija iżda ħarġu telliefa, setgħu rebħu kontra r-Repubblika Ċeka iżda kkuntentaw bi draw u fl-aħħar logħba tal-grupp irnexxielhom jegħlbu lill-Portugiżi 2-0 b’gowls ta’ Khvicha Kvaratskhelia u Georges Mikautadze.
Luis de la Fuente mistenni jirritorna għat-tim li rebaħ kontra l-Italja, jiġifieri l-formazzjoni titolari. Rodri mistenni jirritorna wara li kien sospiż kontra l-Albanija. Lamine Yamal u Nico Williams għandhom jibdew fil-fażi offensiva flimkien mal-attakkant prinċipali Alvaro Morata.
Il-kowċ ta’ Georgia Willy Sagnol se jkun mingħajr Anzor Mekvabishvili li hu sospiż iżda Solomon Kvirkvelia jista’ jkun inkluż mal-ewwel 11. L-attakk mistenni jerġa’ jkun immexxi minn Kvaratskhelia u Mikautadze filwaqt li l-gowlkiper Giorgi Mamardashvili jittama li jirrepeti l-wirjiet li kellu sa issa.
//= $special ?>