EURO 2024 Futbol Sport

Spanja ttemm il-ħolma ta’ Georgia b’wirja oħra dominanti… appuntament kontra l-Ġermanja

(Ritratt: EPA)

Spanja temmet il-ħolma ta’ Georgia f’dan il-Kampjonat Ewropew u qatgħet passaġġ għal mal-aħħar tmienja b’appuntament kontra l-Ġermanja. Prestazzjoni oħra brillanti għall-Ispanjoli minkejja li kellhom jirkupraw minn gowl minn taħt. Minkejja din it-telfa, wieħed ma jridx inaqqas mill-mertu tal-impenn li wrew il-plejers ta’ Georgia kontra avversarju aktar kwotat minnhom.

Wara pressjoni inizjali minn Spanja, il-gowlkiper ta’ Georgia Giorgi Mamardashvili kien fl-azzjoni serjament meta salva tajjeb fuq daqqa ta’ ras ta’ Dani Carvajal. Kontra x-xejra tal-logħba, Georgia marret fil-vantaġġ fid-19-il minuta. Otar Kakabadze ħarab fuq il-lemin f’kontrattakk, avvanza u tefa’ kross għan-nofs lejn Khvicha Kvaratskhelia. Id-difensur Robin Le Normand fit-tentattiv li jantiċipa lill-winger Georgjan, ra l-ballun jaħbat miegħu u baqa’ dieħel fix-xibka wara Unai Simon.

Ir-risposta ta’ Spanja waslet fit-22 minuta b’xutt ta’ Fabian Ruiz li ġie salvat. Ħames minuti wara, xutt ta’ Pedri għadda barra.  Il-pressjoni tal-Ispanjoli kompliet u fid-39 minuta wasal il-gowl tad-draw. Nico Williams qassam mix-xellug lejn RODRI li kkontrolla l-ballun u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Giorgi Mamardashvili.

Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, Kvaratskhelia ra lil Unai Simon barra minn postu u prova b’tentattiv minn nofs il-grawnd li iżda spiċċa ftit barra. Ftit wara, Mamardashvili salva tajjeb free-kick ta’ Lamine Yamal iżda l-gowl ta’ Spanja wasal mill-istess azzjoni, bi kross preċiż ta’ Yamal fuq ras FABIAN RUIZ li mill-qrib ma żbaljax.

Dan il-gowl biddel l-andament tal-logħba hekk kif Spanja kellha r-riżultat li xtaqet. L-attakki ta’ Georgia naqqsu filwaqt li l-Ispanjoli bdew jikkontrollaw il-logħba. Il-gowl li serraħ moħħ il-kowċ Luis de la Fuente wasal fil-75 minuta. NICO WILLIAMS irċieva ballun fit-tul u fl-ispazju fuq ix-xellug, avvanza u b’xutt b’saħħtu fis-saqaf tax-xibka ma tax ċans lil Mamardashvili.

L-azzjonijiet għal Spanja komplew ġejjin u kemm Williams kif ukoll Yamal resqu qrib ir-raba’ gowl ta’ Spanja. Ir-raba’ gowl wasal fl-84 minuta b’azzjoni personali tas-sostitut DANI OLMO li ġibeb il-ballun fuq ix-xellug u mill-kaxxa skorja b’xutt fil-baxx għar-rokna.