Internazzjonali

Stati Uniti: Tifel ta’ 13-il sena maqtul mill-Pulizija wara li ppuntalhom replika ta’ pistola

Il-membri ta’ komunità fl-Istat ta’ New York qed jakkużaw lill-Pulizija dwar aġir mgħaġġel u rresponsabbli wara li huma fetħu n-nar fuq tifel ta’ 13-il sena li miet mill-ġrieħi li ġarrab. Mifhum li l-vittma, li dak il-ħin kien akkumpanjat minn ħabib, kien ipponta ‘pistola’ lejn il-Pulizija u li wara kienet żvelata bħala sempliċi replika ta’ arma tan-nar tat-tip Glock 17 u li setgħet biss tispara l-‘pellets’.

Sadanittant, il-Pulizija qed jgħidu li huma avviċinaw lill-vittma u lil sieħbu, adolexxenti ieħor, wara li ndunaw li huma setgħu kienu suspettati f’każi ta’ serq li seħħew dan l-aħħar fil-belt ta’ Utica.

Waqt li l-Pulizija kienu għaddejjin bl-interrogazzjoni, il-vittma ħarab jiġri u fejn kien segwit mill-uffiċjali tal-liġi li rawh ixejjer ‘oġġett li kien jixbaħ arma tan-nar’. Mifhum ukoll li l-Pulizija kienu qabdu liż-żagħżugħ li spiċċa jaqla’ tir fatali f’sidru proprju waqt li kien mitfugħ mal-art, hu u jirreżisti l-arrest.

L-inċident qanqal rabja enormi fost ir-residenti taz-zona u l-qraba tal-vittma, bis-Sindku ta’ Utica qed iwiegħed investigazzjoni bir-reqqa tal-iżviluppi traġiċi.