Lokali

Tmut wara li quadbike waqa’ minn fuq irdum għal isfel

Passiġġiera fuq quadbike, Taljana ta’ 31 sena tilfet ħajjitha wara li Taljan ta’ 47 sena tilef il-kontroll qrib irdum fi Triq Wied il-Mielaħ, l-Għarb, Għawdex.

L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija fejn ir-raġel laħaq qabeż minn fuq il-quadbike però il-mara ma rnexxilhiex, u waqgħet b’kollox minn fuq l-irdum għal ġol-baħar.

Wara tfittxija li saret, il-mara ttellgħet mill-baħar u ttieħdet fil-Port tal-Imġarr, imma sfortunatament ġiet iċċertifikata mejta.

Ir-raġel ingħata l-għajnuna medika fil-post u wara ttieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief.

Il-Maġistrat Brigitte Sultana kienet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.