EURO 2024 Futbol Sport

Calzona jiżvela li Declan Rice talbu apoloġija

(Ritratt: EPA)

Il-kowċ nazzjonali tas-Slovakkja Francesco Calzona żvela li l-midfielder Ingliż Declan Rice talab apoloġija wara l-argument li kellhom bejniethom ma’ tmiem il-logħba bejn l-Ingilterra u s-Slovakkja.

Wara l-logħba li ntrebħet mill-Ingilterra 2-1 fil-ħin barrani, Rice kien imbuttat f’sidru minn Calzona, biż-żewġ persuni jidħlu f’argument quddiem l-uffiċjali tal-logħba. Rice deher jipprovi jintervjeni meta Calzona mar quddiem ir-referee Tork Halil Meler fi tmiem il-partita, qabel irreaġixxa lejn l-imbuttatura tal-kowċ, b’konsegwenza li ntqal kliem mhux xieraq lejn xulxin.

Il-kowċ Taljan żvela li fil-bidu xtaq ikellem lill-uffiċjali biex jilmenta dwar il-ħela ta’ ħin mit-tim Ingliż. “Rice kellu suppost imur ħdejn ir-referees u jitlaq. Jien kelli nkellem lir-referees u ma riedx jitlaq u baqa’ għaddej. Imma imbagħad talab apoloġija u kollox tranġa. Ma għoġobnix il-mod kif it-tim Ingliż beda jaħli l-ħin u ma jiġix ikkastigat,” qal Calzona.

Il-kowċ tas-Slovakkja imbagħad saħaq li kien kburi bil-prestazzjoni tat-tim għaliex qal li lagħbu logħba mill-aqwa kontra tim li hu kandidat li jirbaħ il-kompetizzjoni. Hu żied li kkonċedew ftit u kienu pass bogħod mill-kwalifikazzjoni filwaqt li kompla billi qal li hu kburi li jmexxi lit-tim Slovakk.

Fuq in-naħa l-oħra, Rice ddeċieda li ma jindirizzax l-inċident ma’ Calzona u minflok għażel li jfaħħar l-għaqda u l-attitudni li biha ma qatgħu qalbhom qatt. “Aħna nagħmlu minn kollox biex nipproteġu lill-kowċ tagħna u lil xulxin. Nibqgħu għaddejjin u nibqgħu nissieltu u dak li għandna flimkien bħala grupp deher. Hu ta’ unur li ninsab parti mill-grupp u se nippruvaw nagħtu kollox.

Filwaqt li s-Slovakki ġew eliminati, l-Ingilterra tħares lejn l-impenn fil-kwarti finali kontra l-Iżvizzera fil-Merkur Spiel-Arena ta’ Dűsseldorf is-Sibt li ġej.