Battikata mis-Slovenja li waslet sal-għoti tal-penalties iżda finalment l-għoti tal-penalties ippremjaw lill-Portugall. Il-logħba fil-ħin regolamentari baqgħet fi draw ta’ mingħajr gowls u l-ebda tim ma sab ix-xibka fil-ħin barrani, bit-tnejn ikollhom ċans tad-deheb.
Nifs twil għal Cristiano Ronaldo li baqa’ jfittex il-gowl iżda spiċċa wkoll biex falla penalty. Nifs twil ukoll għall-veteran l-ieħor Pepe li wettaq żball kbir lejn tmiem u ġie grazzjat minn Diogo Costa. L-istess gowlkiper li spikka meta salva t-tliet penalties. Fil-kwarti finali l-Portugall tiltaqa’ ma’ Franza.
L-ewwel periklu tal-Portugall wasal fit-13-il minuta bi kross perikoluż ta’ Bernardo Silva iżda kemm Cristiano Ronaldo kif ukoll Bruno Fernandes ma laħqux il-ballun għal ftit. Il-Portugiżi baqgħu fil-kmand tal-logħba iżda mingħajr periklu quddiem il-lasta sakemm fl-34 minuta Cristiano Ronaldo mar qrib bi free-kick li għadda ċentimetri fuq il-mimduda.
L-uniku reazzjoni tas-Slovenja fl-ewwel taqsima waslet fl-44 minuta b’xutt ta’ Benjamin Sesko li iżda kien ċentrali u Diogo Costa salva mingħajr wisq diffikultà. Fl-aħħar azzjoni tat-taqsima, il-Portugall laqtet il-lasta b’xutt fil-baxx ta’ Palhinha li laqat il-lasta l-wieqfa.
Il-Portugiżi bdew it-tieni taqsima fejn spiċċaw l-ewwel waħda u fis-47 minuta Bernardo Silva kellu okkażjoni minn qagħda idea iżda xeħet għoli. Cristiano Ronaldo reġa’ prova fil-55 minuta bi free-kick ieħor li għadda minn ħdejn il-barriera iżda Jan Oblak kien attent u blokka x-xutt b’saħħtu.
Il-captain Portugiż reġa’ prova bi free-kick ieħor personali fit-72 minuta iżda din id-darba ma nkwadrax il-lasta. Il-ħin kompla għaddej iżda l-andament baqa’ ma nbidilx, bis-Sloveni jimblokkaw l-ispazji filwaqt li l-Portugiżi jipprovaw jinfdu lid-difiża. Huma setgħu skorjaw il-gowl tar-rebħa fid-89 minuta b’passaġġ vertikali tas-sostitut Diogo Jota lejn Ronaldo iżda x-xutt bix-xellug tal-attakkant ġie salvat minn Oblak.
Bil-logħba tkompli fil-ħin barrani, mument importanti seħħ eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima meta l-Portugall ingħatat penalty wara kuntatt fil-kaxxa bejn Vanja Drkušić u Diogo Jota. Ir-referee Daniele Orsato ordna penalty. Inkariga ruħu s-solitu Cristiano Ronaldo iżda x-xutt fuq il-lemin tiegħu ġie salvat bi bravura minn Oblak.
Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, Oblak reġa’ kien attent biex dawwar f’korner daqqa ta’ ras ta’ Joao Palhinha. Ċans tad-deheb għas-Slovenja fil-115-il minuta. Żball ta’ Pepe fid-difiża wassal biex Benjamin Sesko avvanza waħdu iżda minn qagħda ideali Diogo Costa ħareġ siequ u salva lit-tim tiegħu.
Il-logħba kellha tiġi deċiża bl-għoti tal-penalties. Hawn spikka l-gowlkiper Portugiż Diogo Costa li salva t-tliet penalties mogħtija minn Josip Ilicic, Jure Balkovec u Benjamin Verbic filwaqt li Cristiano Ronaldo, Bruno Fernandes u Bernardo Silva skorjaw għat-tim Portugiż.
//= $special ?>