Internazzjonali

Franza: L-alleanza ta’ Macron f’xifer ta’ kroll… bil-partit ta’ Le Pen viċin ta’ tragward politiku storiku

L-Alleanza politika Ensemble ta’ Emmanuel Macron qed tidher f’xifer ta’ kroll wara li sofriet disfatta sinifikanti fl-ewwel rawnd tal-elezzjonijiet għall-Parlament li saru nhar il-Ħadd. Disfatta li qed tkompli titfa’ lill-President Franċiż b’dahru mal-ħajt u fost it-theżżiż li kapaċi jwassal għall-akbar bidliet politiċi fi Franza mindu, fl-1958, twaqqfet is-sistema ta’ Gvern magħrufa bħala l-Ħames Repubblika Franċiża fi żmien il-President Charles de Gaulle.

L-isfiduċja tal-poplu f’Macron, il-partit tiegħu Renaissance u l-entitajiet alleati liberali u taċ-ċentru  hi riflessa fil-kisbiet kbar li għamel il-Partit estremista tal-lemin ‘Rally Nazzjonali’ li rebaħ mal-34 fil-mija tal-vot popolari tal-Ħadd.

Fil-fatt, l-alleanza ta’ Macron, għalissa, qed tidher bħala t-tielet l-akbar forza politika wara li spiċċat wara l-Front Popolari Ġdid; il-koalizzjoni tax-xellug li kisbet mat-28 fil-mija tal-appoġġ fost il-Franċiżi.

Sadanittant, mhux ċar jekk ir-Rally Nazzjonali – minkejja dawn ir-riżultati impressjonanti – jistax ikun b’saħħtu biżżejjed biex jassumi l-kontroll sħiħ tal-Assemblea Nazzjonali (Parlament) ladarba, nhar il-Ħadd, isir it-tieni u l-aħħar rawnd tal-elezzjoni ġenerali.

Il-Kap tar-Rally, Marine Le Pen – li ilha s-snin avversarju qalil ta’ Macron – qalet li r-riżultat elettorali għandu jitqies bħala wieħed demokratiku li jirrifletti tassew ix-xewqa ta’ poplu li l-problemi tiegħu ilhom injorati mill-Gvern preżenti.

Waqt li Jordan Bardella, il-Viċi-Kap tar-Rally, qed jittama li ‘l quddiem jilħaq Prim Ministru ta’ Franza minflok Gabriel Attal, is-sens tal-ewforija fil-kamp tal-estremisti hu wieħed qawwi b’kuntrast għall-atmosfera preżenti fil-kampijiet tal-partiti tradizzjonali Franċiżi.

Marine Le Pen, fil-fatt, stqarret bla tlaliq li l-grupp politiku ta’ Macron sofra ‘umiljazzjoni oħra li mhux se jistejqer minnha’ u wara li l-Alleanza tal-President ma qabżitx il-21 fil-mija tal-vot.

Intant, u bħala tattika tal-aħħar qabel il-vot tal-Ħadd li ġej, Macron u l-politiċi ewlenin tax-xellug qegħdin jappellaw lill-partitarji ta’ kull entità biex jingħaqdu fi ‘block vote’ bil-għan li ma jħallux lill-kandidati ta’ Le Pen u Bardella jirbħu maġġoranza assoluta u storika fil-Parlament.