Internazzjonali

Gaza: Meħlusa għexieren ta’ Palestinjani, b’Iżrael akkużat dwar il-maltrattament fiżiku u psikoloġiku tal-priġunieri

Numru ta’ Palestinjani li sigħat ilu nħelsu mill-priġunerija f’Gaza, qed jakkużaw lill-awtoritajiet Iżraeljani dwar trattament mhux aċċettabbli u li kien jibbaża fuq metodi għal umiljazzjoni minn aspett fiżiku u psikoloġiku taħt idejn is-suldati ta’ Iżrael.

Min-naħa tagħhom, Iżraeljani ħelsu tal-anqas 55 priġunier li kienu ilhom ix-xhur miżumin f’Gaza u li fosthom hemm Mohammed Abu Selmia, id-direttur tal-isptar ewlieni ta’ Shifa. Selmia kien spiċċa priġunier meta l-militar Iżraeljan, f’Novemrbu, kien wettaq rejd fl-istess kumpless mediku.

Fil-fatt, id-direttur kien fost il-Palestinjani li ħarġu b’dawn l-akkużi ta’ maltrattament, bl-awtoritajiet Iżraeljani qed jiċħdu li trattaw lill-priġunieri b’mod degradanti u b’mod li jmur kontra ‘ir-regoli tal-gwerra’.

Iżrael, intant, għadu għaddej bil-battalji kontra l-Ħamas fid-diversi bnadi ta’ Gaza – u bl-Armata qed takkuża lit-terroristi Palestinjani u l-gruppi oħrajn ta’ militanti dwar l-użu tal-isptarijiet għal skopijiet militari.

Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali tas-saħħa Palestinjani qalu li l-militar Iżraeljan, bejn l-aħħar tas-sena l-oħra u llum, sfurzaw l-għeluq ta’ diversi sptarijiet ta’ Gaza u fost azzjonijiet li anki naqqsu drastikament mis-servizzi mediċi bażiċi – sitwazzjoni li skont huma qed tipperikola kontinwament lis-saħħa u l-ħajja taċ-ċivili Palestinjani.

Fl-istess ħin, iżda, l-Iżraeljani qed jinsistu li l-Ħamas qiegħed jikser ir-regoli tal-gwerra ‘mingħajr rażan jew rispett għaċ-ċivili tiegħu stess’.

Stqarrija oħra ta’ Iżrael kienet li l-isptarijiet – dejjem skont il-liġi internazzjonali – kapaċi jitilfu kull dritt għall-protezzjoni jekk kemm-il darba dawn jintużaw għal azzjonijiet militari u terroristiċi.