Jerome Caruana Cilia, PN
Id-dejn li akkumula l-Prim Ministru Robert Abela fi ftit tas-snin huwa mażżra ma’ wliedna u wlied uliedna, u l-kultura tal-mentalità ta’ “ma jimpurtanix, kulħadd qed jitħanżer”, qed titħallas minn flus il-poplu.
Dan qalu x-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża d-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia fid-dawl ta’ rapport mill-Kummissjoni Ewropea li jindika li Malta tinsab qrib li titpoġġa taħt proċedura ta’ deficit eċċessiv.
Id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia kien qed jitkellem fil-Parlament f’diskussjoni dwar abbozz ta’ liġi dwar persuni li jipprovdu servizzi ta’ kreditu u dwar xerrejja ta’ kreditu.
Sal-aħħar tal-2019 id-dejn Malti kien ilaħħaq il-€5.7 biljun, biex illum dan qabeż l-€10 Biljun. Dan ifisser li 43% tad-dejn ta’ pajjiżna għamlu Robert Abela, primarjament taħt il-Ministru Clyde Caruana. Filwaqt li fakkar li l-Partit Nazzjonalista ilu snin iwissi li dan kien se jseħħ jekk il-Gvern ma jnaqqasx il-ħela u t-tberbiq, Jerome Caruana Cilia insista li hu etiku u moralment ġust li “l-Prim Ministru Robert Abela u sħabu għandhom jaraw li dak li nsteraq minn pajjiżna jintradd lura”.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem fid-dettall dwar il-ħela li kkaratterizzat ħdax-il sena ta’ tmexxija Laburista, u fakkar li huwa kien għamel madwar 300 mistoqsija parlamentari dwar direct orders li ma tweġbux mill-Ministri rispettivi. Insista li dawn huma flus il-poplu, u għalhekk din l-informazzjoni kellha tingħata bi dritt.
Hu żied jgħid li din in-nefqa esaġerata ma ġietx tradotta fi kwalità tal-ħajja aħjar, f’kuntest fejn hemm 105,000 persuna f’riskju ta’ faqar, perċentaġġ qawwi ta’ imprendituri barranin m’għadhomx jaraw lil Malta bħala attraenti għall-investiment, kif ukoll eluf ta’ żgħażagħ iridu jitilqu minn pajjiżna.
“F’10 snin, dawwarna ekonomija li timmira għal kwalità, għal waħda fuq il-kwantità. F’kollox”, spjega Caruana Cilia. Dan qed iwassal għal żieda qawwija fit-traffiku, skart u telqa madwar il-pajjiż, popolazzjoni eċċessiva bla pjanar, għoli tal-ħajja, kif ukoll sfidi kbar fil-qasam tal-edukazzjoni, bi studenti jispiċċaw jitgħallmu fil-kontejners kif ukoll fis-saħħa, f’waiting lists twal ħafna u pazjenti fil-kurituri.
Id-deputat Nazzjonalista sostna li ċ-ċittadin ħaqqu kwalità ta’ ħajja aħjar u laqa’ l-fatt li wara r-riżultat elettorali ta’ Ġunju, issa anke l-Prim Ministru, wara l-Ministru tal-Finanzi, jidher li qed jaqbel mal-Partit Nazzjonalista fuq il-bżonn ta’ mudell ekonomiku sostenibbli u induna bil-karba, l-għajta tan-nies għall-kwalità ta’ ħajja aħjar.