Lokali

Il-Gvern ħalla fuq l-ixkaffa l-proposta tal-PN dwar it-twelid tal-aktar liġi b’saħħitha favur l-ambjent Malti

Sena ilu, il-Partit Nazzjonalista ressaq l-aktar Abbozz ta’ Liġi b’saħħtu fil-Parlament favur l-ambjent Malti fl-istorja legali ta’ pajjiżna.

Madanakollu, minkejja li għaddiet sena, il-Gvern Laburista sal-lum għadu ma qabilx li dan għandu jitla’ u jkun diskuss bħala parti mill-Aġenda tax-xogħol tal-Parlament.

Il-Partit Nazzjonalista għadu jinsisti fil-bżonn li nħarsu l-ambjent ta’ pajjiżna, għall-poplu Malti u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin, u għalhekk jemmen li fl-ogħla liġi ta’ pajjiżna għandu jitwieled id-dritt fundamentali tal-bniedem għall-ambjent nadif, san u sostenibbli.

Għalhekk, fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jitlob lill-Gvern Laburista biex, kif għandu s-saħħa u d-dover li jagħmel, għandu jqiegħed dan l-Abbozz għad-diskussjoni fil-Parlament.

Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista jiġbed l-attenzjoni lill-Gvern Laburista li s’issa għadu ma ħareġ bl-ebda pożizzjoni, reazzjoni jew opinjoni dwar dan l-Abbozz, li għandu l-appoġġ ta’ numru ta’ esponenti fil-Gvern Laburista, li pubblikament ingħaqdu mas-sejħa tal-Partit Nazzjonalista.

F’Abbozz dettaljat li mhux biss iwelled dan id-dritt ġdid għal kull Malti u Maltija, inkluż l-eNGOs, din il-proposta twelled ukoll mekkaniżmu ta’ kif wieħed jista’ jinforza dan id-dritt biex jipproteġi l-ambjent Malti. Din il-liġi ġdida tkun tista’ tħares u tindirizza d-deċiżjonijiet li se jieħu l-Gvern preżenti u kull Gvern ieħor ‘il quddiem fir-rigward tat-tniġġis tal-arja, is-saħħa, il-klima, is-sigurtà fil-produzzjoni tal-ikel, is-saħħa mentali, aċċess għall-ilma nadif, ambjent mhux tossiku għat-tfal u l-familji, l-ekosistema, il-biodiversità, l-użu tal-art u l-ambjent mibni, riċiklaġġ tal-iskart u l-enerġija rinnovabbli, fost l-oħrajn.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg u mix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott.