Lokali

“Il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jiġi magħżul biż-żewġ terzi tal-Parlament” – Bernard Grech

“Il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jiġi magħżul biż-żewġ terzi tal-Parlament u għandu jkun persuna li ma jħares lejn wiċċ ħadd u jaċċerta li ssir ġustizzja.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt l-intervista li saritlu l-Ħadd filgħodu fuq Net FM, wara li ftit tal-jiem ilu ġie żvelat li l-kuntratt ta’ Angelo Gafà se jiġi mġedded għal erba’ snin oħra.

Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jressaq mozzjoni fil-Parlament bil-għan li l-Kummissarju tal-Pulizija jiġi magħżul biż-żewġ terzi – sistema simili għal kif jiġi magħżul il-President.

Apparti minn hekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Robert Abela falla kompletament milli jħoss il-polz tal-poplu u kompla jħares l-interessi tiegħu u ta’ sħabu. Kien għalhekk li żamm lil Angelo Gafà għaliex huwa maħtuf mill-Gvern Laburista.

Bernard Grech fakkar ukoll li Angelo Gafà m’għamel l-ebda investigazzjoni b’rabta mal-iskandlu tal-Vitals. L-investigazzjonijiet saru biss mill-Maġsitrat Gabriella Vella li kienet qed tiġbor evidenza għall-Inkjesta Maġsiterjali.

Bernard Grech saħaq li jekk il-Kummissarju tal-Pulizija jintgħażel biż-żewġ terzi, pajjiżna jista’ jkollu Kummissarju li verament jaċċerta li ssir ġustizza kif ukoll li jġib l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi l-ewwel u qabel kollox.