Lokali

Il-Mediterrane Film Festival ġie jiswa madwar €4 miljuni

Spiża deskritta minn Johann Grech bħala waħda essenzjali

Il-Mediterrane Film Festival ġie jiswa ftit inqas minn €4 miljun minn flus il-poplu, għaliex skont il-Kummissarju għall-Films Johann Grech….dan kien essenzjali.

Mistoqsi mit-Times of Malta kemm ġiet tiswa l-edizzjoni ta’ din is-sena, wara li l-edizzjoni preċedenti spiċċat miżgħuda b’ħafna misteri – bl-ispiża ta’ €3.8 miljun tiġi żvelata minuti biss qabel ħarġet l-Inkjesta Pubblika ta’ Jean Paul Sofia – din id-darba Johann Grech żvela l-ispiża minnufih, b’wiċċu minn quddiem.

Huwa qal li l-ispejjeż din is-sena laħqu t-€3.9 miljun, u ddeskriva din in-nefqa eżorbitanti bħala essenzjali sabiex tiġbed f’pajjiżna l-investiment meħtieġ.

Grech saħaq li dawn il-miljuni ta’ ewro marru f’titjiriet lejn Malta għall-atturi u diretturi tal-films, kif ukoll għaċ-ċerimonja finali li saret f’Manoel Island.

Madanakollu, kemm verament qed iħallu investiment serati bħal dawn għad irid jiġi analizzat hekk kif sorsi qrib sew tal-industrija li tkellmu ma’ Net News saħqu li bħalissa jinsabu weqfin. Dan hekk kif fost l-oħrajn din is-sena kellu jinġibed f’pajjiżna film tal-attur Pierce Brosnan…madanakollu ġie mċaqlaq minn Malta għal Leeds.

Hekk ġara ukoll fil-każ ta’ film li se jkun fuq tema bibblika, illi ġie mċaqlaq minn Malta għall-Marokk.

Inatnt, it-tieni edizzjoni ta’ dan l-avveniment waslet fi tmiemha fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu bil-Golden Bee Awards li ġew preżentati f’Manoel Island – b’diversi ċittadini li joqgħodu fil-qrib fost oħrajn fil-Gżira, Tas-Sliema, l-Imsida u l-Belt Valletta jilmentaw minħabba l-mużika għolja sas-sagħtejn ta’ filgħodu u l-logħob tan-nar f’nofs ta’ lejl.