Claudette Buttigieg, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg sostniet fil-Parlament li ż-żieda fil-popolazzjoni qed iġġib sfidi kbar fil-vjolenza domestika.
Hi sellmet lill-professjonisti kollha li jaħdmu f’dan il-qasam; lis-social workers, lill-uffiċjali mill-Korp tal-Pulizija, lill-edukaturi, lill-healthcare professionals u ħafna aktar. Dawn għandhom missjoni kollettiva – jevalwaw ir-riskji u jippjanaw l-azzjoni biex jimmitigaw l-istess riskji. Xogħol sensittiv ħafna li jitlob reqqa, professjonalità u sensittività f’dan il-qasam.
Claudette Buttigieg qalet li s-social workers huma l-eroj li fis-silenzju qed jagħmlu ferm iktar minn dak mistenni minnhom. F’soċjetà bi sfidi kbar fejn l-istrutturi soċjali u l-fibra morali m’għadhomx jeżistu u jinstemgħu kunċetti arkajki u antikwati, ir-rwol tas-social workers jibqa’ wieħed fundamentali quddiem il-vjolenza domestika. Is-social workers jisimgħu b’kompassjoni, jiflu l-fatti u janalizzaw realtajiet fiċ-ċiklu tal-abbuż, fit-taqtigħa mal-kontroll u l-manipulazzjoni.
Huwa proprju fi ħdan struttura bħal-MARAM li ssir l-analiżi ta’ sitwazzjonijiet soċjalment fraġli. Hija fid-diskussjoni tal-entitajiet differenti li jridu jittieħdu deċiżjonijiet favur il-vittmi. Hija din il-kollaborazzjoni unika fejn jitħabbtu l-imħuħ tal-professjonisti li jiġu salvati ħajjiet tant vulenrabbli.
Filwaqt li r-rwol tas-social workers jibqa’ ċentrali, ma rridux ninsew lill-professjonisti l-oħra. Il-pulizija li jaġixxu fil-pront meta tinqala’ l-urġenza biex jassiguraw ħarsien veru. Il-professjonisti tas-saħħa, fosthom it-tobba, l-infermiera, it-terapisti u l-psikoterapisti fost l-oħrajn, li jinnutaw dak li jkun qed iseħħ soċjalment waqt li qed jikkuraw medikament. L-edukaturi li jwasslu l-għarfien u kapaċi josservaw l-imġiba li tikxef l-abbuż.
L-isfidi huma kbar, u qed ikomplu jikbru. Bil-popolazzjoni li dalwaqt se tilħaq is-600,000 persuna, ir-riżorsi huma limitati ħafna. Il-piż fuq il-professjonisti f’dan il-qasam huwa wisq u mhux qed jiġi indirizzat, bl-Isptar Mater Dei mifqugħ bin-nies u bid-Dipartiment tal-Emerġenza fi kriżi serjissima.
Claudette Buttigieg sellmet lil min jaħdem f’dan id-dipartiment u sostniet li s-soċjetà qed tistenna l-mirakli, iżda l-fatti huma li dawn il-ħaddiema ma jlaħħqux biex jaraw il-pazjenti medikament u għalhekk ħadd ma jista’ jippretendi li jarawhom soċjalment.
Dawn il-professjonisti kollha huma fundamentali fil-proċess sensittiv biex nidentifikaw u nindirizzaw il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġenru. Lil dawn il-professjonisti għandna nwiżnuhom ferm u ferm aħjar minn dak li qed nagħmlu llum. Mhux bil-kliem u t-tifħir biss!, sostniet id-deputat Nazzjonalista.