Internazzjonali

L-Istati Uniti: Il-qraba ta’ Biden iriduh ikompli bil-ġlieda għall-White House

Il-familja tal-President Amerikan Joe Biden qed iħeġġuh biex ma jagħtix każ is-sejħiet – minn diversi sorsi – ħalli ma jikkuntestax mill-ġdid għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Dan wara li Biden, il-kandidat tal-Partit Demokratiku, kien mar ħażin ħafna fl-ewwel dibattitu wiċċ imb wiċċ (tal-kampanja) mal-kandidat rivali Donald Trump li qed jirrappreżenta lill-Partit Repubblikan fl-Oppożizzjoni.

Filwaqt li Trump qed iżid l-appoġġ skont l-aħħar eżerċizzji popolari, Biden qatta’ tmiem il-ġimgħa ma’ familtu f’lokalità li ma kenitx identifikata u fejn qrabatu insistew biex hu ‘jkompli bil-kampanja u ma jaqtax qalbu’.

Iżda, ħafna uffiċjali fil-kamp tad-Demokratiċi huma ferm inkwetati dwar il-parteċipazzjoni ta’ Biden waqt id-dibattitu tal-ġimgħa l-oħra ma’ Trump f’Atlanta… dibattitu u fejn Biden deher qisu bniedem mifxul u mitluf bi ftit li xejn kapaċità biex jesprimi ruħu.

L-istħarriġ anki qed juri li ċ-ċittadini komuni huma mħassbin dwar l-età tal-President li għandu 81 sena. Skont l-istħarriġ għal CBS News/YouGov, mat-72 fil-mija tal-votanti reġistrati li jappoġġjaw lill-Partit Demokratiku ma jemmnux li Biden fadallu s-saħħa fiżika u mentali biex ikompli bħala President – b’ nofshom iriduh iwarrab ‘issa stess’.