Wara li l-proposta tal-Kamra tal-Periti biex jiġi rivedut il-pjan ta’ Infrastructure Malta għall-Imsida, fl-aħħar jiem inbdiet petizzjoni sabiex il-Parlament jikkunsidra din il-proposta innovattiva li qed tippromwovi ambjent nadif, minflok iżjed karozzi fit-triq.
Din l-inizjattiva ttieħdet miż-żagħżugħ Duane Grech li ħoloq din il-petizzjoni Parlamentali sabiex juri lill-Gvern li hemm sapport għal din il-proposta tal-Kamra tal-Periti, li taf tbiddel iċ-ċentru tal-Imsida f’zona pedonali u ġnien b’mijiet ta’ siġar.
Duane Grech qed jinsisti li din il-proposta se tgħin sabiex il-pubbliku jżur l-Imsida bħala destinazzjoni fejn jista’ jgawdi ħin ta’ rilassament, u mhux kemm isuq biss. Hu sostna wkoll li l-proposta tal-Gvern toħloq iżjed traffiku, għax in-nies se jiddeċiedu li jużaw il-karozzi iżjed.
Iż-żagħżugħ qed iħeġġeġ lil kulħadd jiffirma din il-petizzjoni, filwaqt li jixtieq li l-Membri Parlamentari verament jikkunsidraw dan il-proġett tal-Kamra tal-Periti.
Il-Partit Nazzjonalista wkoll wera sapport għal din il-proposta tal-Kamra tal-Periti, tant li l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Mark Anthony Sammut iltaqa’ mal-Kamra tal-Periti u mas-Sindku tal-Imsida biex jiddiskuti dan il-proġett u jappoġjah. Dan wara li l-Ministru stess ma laqax it-talba biex jiltaqa’ mal-Kunsill u mal-Kamra tal-Periti.
//= $special ?>