Lokali

Rapporti internazzjonali: Steward ħallsu l-miljuni biex ħolqu ‘fake news’

Rapport li ħareġ mill-organizzazjoni internazzjonali OCCRP juri biċ-ċar kif Steward Healthcare ħallsu miljuni ta’ ewro biex ħolqu aħbarijiet foloz kontra min kien qed jaħdem kontrihom. Dan jikkonfermawh emails u dokumenti żvelati mill-OCCRP, flimkien mat-Times of Malta u l-Boston Globe.

Ir-rapport tal-OCCRP jikkonferma li Steward użaw flus mit-taxxi tagħna biex attakkaw lil persuni li kienu kritiċi għalihom. Tant li saħansitra użaw spiji privati ibbażati f’Londra biex jikkordinaw din il-ħidma.

Jirriżulta li l-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne kien wieħed mill-persuni li safa attakkat b’din l-istrateġija ta’ Steward, u bl-użu ta’ fake news li inħolqu kontra tiegħu.

Emails u dokumenti uffiċjali juru li Steward użaw xejn anqas minn €6.5 miljun f’operazzjonijiet sigrieti kontra min ma kienx qed jaqbel mal-operat tagħhom f’Malta.

L-akkużi li ittieħdu flus mill-bejgħ tal-passaporti

F’Ġunju tas-sena li għaddiet, sit elettroniku ibbażat fi Brussel kien allega li l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kien daħħal fil-but flejjes li ġew mill-bejgħ ta’ passaport lil ċittadin Russu. Dawn il-flus – €3.2 miljun – kien għaddew lit-tifla ta’ Carmen Ciantar, illi kienet tmexxi l-FMS.

Ftit tal-ġimgħat wara, l-istess website kienet waqqfet l-istorja għaliex qalet li s-sors tagħha kien wieħed “oskur” u l-provi kienu ibbażati fuq dokumenti foloz u iffabrikati.

Minn meta ħarġu dawn l-istejjer, Fearne dejjem tkellem dwar il-famużi “forzi tad-dlamijiet” – iżda ftit konna qed nirrealizzaw li dawn il-forzi kienu finanzjati mit-taxxi tagħna stess.