Lokali

Robert Abela ħeba li Cyrus Engerer ippreżentalu r-riżenja sena ilu

L-Eks Membru Parlamentari Ewropew Laburista, Cyrus Engerer, stqarr f’intervista mal-MaltaToday li hu kien irriżenja mill-Partit Laburista madwar sena ilu waqt l-eqqel tal-kwistjoni Jean Paul Sofia, meta l-Prim Ministru Robert Abela kien qed isabbat saqajh kontra l-ftuħ tal-Inkjesta Pubblika.

Engerer sostna li waqt laqgħa tal-grupp parlamentari – meta ddiskutew il-kwistjoni Sofia – ma ħallewhx jattendi virtwalment. Dan għaliex ma kienx jaqbel mal-pożizzjoni ta’ Robert Abela. U hawn, hu kien irriżenja – għax skont Cyrus Engerer hu kien favur iż-żgħir u l-ħaddiem.

Għaldaqstant it-Tnejn waranofsinhar Net News staqsa lil Abela dwar dan il-fatt. Il-Prim Ministru jisħaq li l-Eks MEP Laburista qatt ma rriżenja formalment – fatt li Engerer saħqu b’mod ċar ħafna.

Net News staqsa lil numru ta’ Deputati Laburisti għalfejn lill-elettorat ma qalulux tul dawn l-aħħar xhur li kellhom Membru Parlamentari Ewropew li rriżenja mill-Partit tal-Labour – bil-Membri tal-Partit Laburista skomdi għall-aħħar ma jweġbux dwar din il-kwistjoni; min jibgħatna nistaqsu lilu, min jgħid li ma kienx jaf biha… u min jgħid li mhux importanti.