Lokali

STUDJU: Il-poplu Malti fost l-aktar li jinkwieta u għandu stress fid-dinja

Żieda qawwija fil-popolazzjoni u familji li ilhom jgħixu biswit siti ta’ kostruzzjoni għal snin sħaħ

Il-Maltin huma r-raba’ l-aktar li jinkwetaw fid-dinja.

Dan hekk kif skont rapport maħruġ minn Global Emotions 2024, 63% tal-poplu Malti saħqu li jinkwetaw ħafna u aktar minn nofshom ammettaw li għandhom ħafna stress.

L-unika pajjiżi li għandhom poplu jinkwieta aktar minn Malta huma l-Afghanistan, il-Guinea u Iżrael.

Professur u Antropoloġista, David Zammit, tkellem mal-ġurnal Times of Malta fejn saħaq li l-Malti għandu ċertu sens li dejjem se jinqala’ xi ħaġa – u hemm dissens fejn il-ħajja f’Malta m’għadhiex li kienet b’nies jisħqu li m’għadhomx jistgħu jgħixu f’pajjiżhom stess.

Huwa insista li d-degradazzjoni ambjentali u l-fatt li l-politika partiġjana qed tressaq lill-pajjiż aktar qrib ta’ stat mafjuż, żgur li mhux jgħin.

Zammit insista li pajjiżna ra żieda qawwija fil-popolazzjoni li qed tpoġġi piż tremend fuq l-infrastruttura Maltija, u spjega li meta persuna tieħu f’konsiderazzjoni l-kultura materjalistika li qed ngħixu preżentament, qed twassal sabiex il-familji Maltin u Għawdxin qed isofru stress qawwi.

Huwa spjega li Malta ġiet aktar kapitalista, aktar konsumerista, pajjiż miżgħud bin-nies, bil-kompetizzjoni, u l-ispazju li ngħixu fih iddeskrivih bħala wieħed ostili.

Il-Professur Zammit insista dwar il-bżonn li nħarsu l-ambjent ta’ madwarna hekk kif saħaq li għandek familji sħaħ ilhom jgħixu ta’ bilfors u kontra r-rieda tagħhom biswit postijiet ta’ kostruzzjoni għal snin sħaħ