EURO 2024 Sport

Doppjetta ta’ Merih Demiral twitti t-triq lit-Turkija għall-kwarti finali

(Ritratt: EPA)

AWSTRIJA……………….1

TURKIJA…………………..2

Awstrija: P.Pentz, S.Posch, K.Danso, P.Lienhart (M.Wober 62’), P.Mwene (A.Prass 46’), N.Seiwald, M.Sabitzer, K.Laimer (F. Grillitsch 65’), C.Baumgratner, R.Schmid (M.Gregoritsch 46’) , M.Arnautovic

Turkija: M.Gunok, M.Muldur, A.Bardacki, M.Demiral, F.Kadioglu, I.Yukse (S.Ozcan 58’)k, K.Ayhan, K.Yildiz (K.Akturkoglu 78’), O.Kokcu (I.Kahveci 83’), B.Yilmaz, A.Guler (O.Yokuslu 78’)

Imwissija: O.Kokcu 11’, I.Yuksek 42’ (T), R.Schmid 38’ , P.Lienhart 52’ (A)
Skorjaw: M.Demiral 1’, 59’ (T), M.Gregorisch 66’ (A)
Referee: Artur Dias (Portugall)

It-Turkija kienu r-rebbieħa tal-konfront tal-fażi tal-aħħar sittax kontra l-Awstrija biex b’hekk ikkwalifikaw għall-ewwel kwarti finali tagħhom mill-2008. Id-difensur ċentrali Merih Demiral kien l-eroj ta’ pajjiżu hekk kif skorja ż-żewġ gowls tar-rebħa.

Id-doppjeta ta’ Merih Demiral kontra l-Awstrija hija l-ewwel doppjetta fil-EURO jew Tazza tad-Dinja skorjata minn difensur mill-1998, fejn kien Lilian Thuram li skorja żewġ gowls kontra l-Kroazja fis-semi finali tat-Tazza tad-Dinja, li eventwalment ġiet mirbuħa mill-Franċiżi.

It-Torok bdew fuq nota tajba immedjatament hekk kif wara biss minuta logħob huma marru fil-vantaġġ permezz tad-difensur MERIH DEMIRAL li xeħet mill-viċin minn korner wara l-ewwel tentattiv kien salvat tajjeb minn Pentz.

Wara 6 minuti logħob kien imiss lill-Awstrija biex jirrispondu, l-okkażjoni waslet mit-tentattiv ta’ Baumgartner li ma rnexxielux jikkonkludi fix-xibka.

Fit-23 minuta, l-istess Merih Demiral ittanta bir-ras imma l-konklużjoni kienet għolja wisq.

L-ewwel taqsima ntemmet 1-0 għat-Torok, bil-partita tidher bilanċjata.

L-Awstrija ħarġu jfittxu l-gowl tad-draw, biex l-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima waslet fil-51 minuta mit-talisman Arnautovic li fil-baxx ma rnexxielux jegħleb lil Gunok.

It-Turkija rdoppjaw l-iskor fid-59 minuta meta MERIH DEMIRAL skorja d-doppjetta personali tiegħu din id-darba b’daqqa ta’ ras mill-korner mogħti perfett tal-istilla Arda Guler.

Fis-66 minuta l-Awstrija kisbu gowl lura permezz tas-sostitut MICHAEL GREGORITSCH mill-korner tal-midfielder Sabitzer.

L-Awstrija baqgħu jfittxu l-gowl tad-draw, fil-85 minuta kross ta’ Posch mil-lemin jasal għand Baumgartner ftit metri ‘l bogħod mill-lasta, madankollu l-plejer tal-logħba Merih Demiral interċetta tajjeb fl-aħħar sekondi.

Fl-aħħar sekondi tal-partita, it-Turkija b’ċans inkreddibli li jisiġillaw ir-rebħa mill-kontrattakk ta’ Yilmaz, madankollu l-goalkeeper Pentz jintervjeni tajjeb.

Save impekkabli tal-goalkeeper Gunok fl-aħħar sekonda tal-partita mid-daqqa ta’ ras ta’ Baumgartner. Save li bla dubju ħa lill-pajjiżu għall-kwarti finali storika.

B’hekk il-partita ntemmet bl-iskor ta’ 2-1 għat-Turkija, li jfisser li jgħaddu għar-rawnd li jmiss tal-kompetizzjoni.