Lokali

Attivist Laburista jitfa’ dubji dwar kif qed jintużaw il-flus tal-maratoni tal-Labour

L-attivist Laburista Neville Gafa għal darb’oħra fetaħ il-kanuni fil-konfront tad-Deputat Laburista u Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph Debattista billi tefa’ dubju fuq kif qed jintużaw il-flus tal-maratoni li jiġbor il-Partit Laburista.

Dan wara li Debattista nnifsu, fuq l-RTK, sostna li hu jinkwieta biss jekk ikun hemm “faxxisti” jew “mafjużi” li jfaħħru x-xogħol tiegħu – attakk dirett għal dawk tal-klikka tal-Eks Mexxej Laburita Joseph Muscat u għal Neville Gafa nnifsu.

Fuq Facebook, Gafa ħareġ jattakka bis-saħħa dak li qal is-CEO tal-Labour u saħansitra spiċċa jgħid li l-istess CEO huwa “kodard” għaliex ma kellux il-kuraġġ jirrispondi, meta mistoqsi, jekk kienx qed jirreferi għal Gafa jew għal xi ħaddieħor fi ħdan il-klikka ta’ Joseph Muscat

Gafa issa ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat jsemma leħnu fuq il-media soċjali u joħodha qatta’ bla ħabel fil-konfornt tat-tmexxija preżenti, anke saħansitra kontra il-mexxej tal-Labour stess, Robert Abela.

Neville Gafa tefa’ wkoll dawl ikrah fuq Debattista meta staqsa mistoqsija dwar il-maratoni tal-Partit Laburista, bl-istess Gafa jispiċċa jsaqsi lis-CEO tal-Labour jekk jorqodx bil-lejl u jekk għandux kuxjenza nadifa.

Dawn il-mistoqsijiet u allegazzjonijiet fil-konfront tat-tmexxija Laburista, ikomplu joħolqu dubji serji dwar l-istat li jinsab fih il-Labour – il-Partit fil-Gvern li preżentament huwa mifni bi problemi interni, fl-isfond ta’ sfidi kbar li pajjiżna qed iħabbat wiċċu magħhom.