L-istorja tal-passaporti kienet biss fake news biex Chris Fearne jiġi “politikament eliminat”.
Dan iddikjarah hu stess meta dalgħodu rreaġixxa għar-rapporti internazzjonali li ħarġu lbieraħ, fejn intwera kif Steward ħallsu l-miljuni biex jiġi attakkat Chris Fearne bi stejjer foloz – u bl-użu ta’ spiji.
Chris Fearne iddeskriva dawn il-manuvri bħala “frame-up mudlam”.
Issa, Fearne qed jerġa’ jitlob lill-Pulizija biex jinvestigaw dak li seħħ.
“Għadni kemm ktibt lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga min wettaq il-frame up fuqi, kemm tħallsu flus biex dan iseħħ u x’kienu l-vera motivazzjonijiet”, kiteb Chris Fearne fuq Facebook.
Id-dikjarazzjoni tad-deputat Laburista Chris Fearne
Il-fatti żvelati huma prova ċara u konkreta li jien, bħala Ministru għas-Saħħa ta’ Malta dejjem kont sod fil-qadi ta’ dmirijieti lejn l-interess nazzjonali.
Intefqu madwar €6,500,000 biex tiġi ivvintata gidba bi skop malinn speċifiku: biex jien niġi politikament eliminat. Intefqu daqshekk flus maħmuġin biex Chris Fearne jitneħħa min-nofs.
Dan il-pjan malizzjuż sar f’żewġ stadji. L-ewwel għamlu li setgħu biex isibu l-ħmieġ dwari. Meta ma sabux – għax m’hemmx – qabdu u ffabrikaw il-ħmieġ minn żniethom.
Dan il-frame up mudlam li sewa €6 miljun ipprova jwaqqafni milli nkompli naqdi dmirijieti lejn il-pazjenti tagħna, lejn il-Ministeru u lejn pajjiżi.
Meta dal-ħmieġ ivvintat kien ippubblikat l-ewwel darba, jien kont mort immedjatament għand il-Kummissarju tal-Pulizija u tlabtu jinvestiga. Ma kienx sorprendenti li ma damx ma kkonkluda li din kienet storja vvintata mill-bidu sal-aħħar.
Illum jien se nerġa’ mmur għand il-Kummissarju, din id-darba biex jieħu passi kontra min kien li wettaq, u min iffinanzja, dan il-frame up moqżież.
Sadanittant, ser inkompli niddefendi u nikkonferma l-integrità tiegħi fil-Qrati tal-ġustizzja.
//= $special ?>