Internazzjonali

Gaza: Eżodu kbir ieħor ta’ Palestinjani, bis-sitwazzjoni tiggrava qalb iz-zoni tal-gwerra

L-osservaturi tal-aħħar żviluppi fit-traġedja umana li qed tiżvolġi f’Gaza mhumiex jeskludu li l-qawwiet ta’ Iżrael qed iħejju fażi ġdida tal-offensiva fuq it-terroristi tal-Ħamas – fażi li kapaċi wkoll tkun  ‘deċiżiva’ wara l-kampanja militari f’Gaza li ilha għaddejja mis-7 ta’ Ottubru.

Filwaqt li ċ-ċivili ta’ Gaza qegħdin jgħixu minn kriżi storika, bħalissa qed tispikka mewġa oħra ta’ evakwazzjonijiet ta’ Palestinjani mid-distretti lejn il-lvant ta’ Khan Younis, li hi t-tieni l-akbar belt fil-Medda ta’ Gaza.

L-evakwazzjonijiet – li qed jaffettwaw lil xi 250,000 Palestinjan – huma dovuti għat-twissijiet ċari tal-Iżraeljani biex il-familji jitilqu minn dawk id-distretti li huma wkoll indikati bħala bażijiet tal-Ħamas. Dan meta l-Ħamas,  fl-aħħar ġimgħat infiltraw diversi zoni ċivili minn fejn qegħdin imexxu l-azzjonijiet kontra t-truppi Iżraeljani li qed jippruvaw jeliminaw il-bejtiet tat-terroristi.

Fl-aħħar sigħat, kien hemm anki indikazzjonijiet li l-Iżraeljani kienu diġà għaddejjin bil-fażi inizjali ta’ offensiva ġdida fuq il-Ħamas – b’diversi xhieda jirrappurtaw numru ta’ attakki intensivi tal-Armata fl-artijiet ta’ Khan Younis u l-madwar.

Dan waqt li s-sorsi mediċi tal-Palestinjani rreferew għal diversi mejtin u għexieren ta’ midruba b’kaġun tal-attakki.

Is-sitwazzjoni tant hi gravi li saru wkoll l-evakwazzjonijiet tal-pazjenti u l-istaff mediku mill-European Gaza Hospital fit-territorju u fuq direttiva speċifika mill-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza, li hi mmexxija mill-Ħamas.

Madankollu, il-militar Iżraeljan fl-ebda ħin ma kien ħareġ direttiva ta’ evakwazzjoni għan-nies – staff u daqstant ieħor pazjenti – minn dan l-isptar, b’xi sorsi militari jsostnu li l-isptarijiet f’Gaza ‘mhumiex fil-mira tat-truppi u l-ajruplani tal-gwerra’.

Waqt li s-sitwazzjoni kienet qed tidher xi ftit konfuża, sar magħruf li l-Organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar, li ilha x-xhur għaddejja bil-missjonijiet ta’ fejda f’Gaza, qed tgħin ukoll fil-proċessi fejn il-pazjenti qed ikunu trasferiti mill-European Gaza Hospital lejn ċentri mediċi oħrajn fil-periferiji tal-fronti tal-gwerra.