Lokali

Għawdex jingħaqad mal-komunità Ewropea EFFE Seal

Ir-Reġjun ta’ Għawdex ingħaqad mal-komunità EFFE Seal European Network biex inkomplu niċċelebraw l-identità tagħna u naqsmu l-kultura tagħna ‘l barra minn xtutna.

Il-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex iffirma ftehim tad-dħul mal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Festivals (EFA) biex jissieħeb man-netwerk Ewropew tal-EFFE Seal.

L-EFFE Seal jistieden lill-bliet u r-reġjuni biex ikunu rikonoxxuti għall-kontribut u l-proċess kollettiv tagħhom mal-komunitajiet tal-festivals tagħhom. In-netwerk iservi wkoll bħala rikonoxximent għat-territorji li jixtiequ jintegraw l-iżvilupp u l-immaġni tagħhom b’impenn qawwi ta’ festival: kulturali u Ewropew. L-EFFE Seal għall-Bliet u r-Reġjuni tal-Festival tnieda waqt is-Summit tal-Festivals tal-Arti 2022 fl-Armenja u minn dakinhar għadu ma waqafx jespandi. Illum, din l-inizjattiva tiġbor 29 belt u reġjun madwar l-Ewropa.

Matul is-Summit tal-Festivals tal-Arti ta’ din is-sena, fil-Festival tal-Mużika ta’ Usedom, 11-il Reġjun u Belt ingħaqdu man-netwerk kollaborattiv li dejjem qed jikber. Ir-Reġjun ta’ Għawdex u r-reġjuni ta’ Olomouc fir-Repubblija Ċeka, u Västra Götaland fl-Iżvezja, flimkien mal-bliet ta’ Greifswald, Wolgast u Ostseebad Heringsdorf fil-Ġermanja, Kutaisi fil-Ġorġja, Martina Franca fl-Italja, Miedzsyzdroje fil-Polonja, Pristina u Prizren fil-Kosovo, ingħaqdu man-netwerk. Dawn iż-żidiet isaħħu u jkabbru x-xewqa għal aktar diversità, inklużjoni fuq livell ġeografiku u artistiku. Dawk li jirċievu l-EFFE Seal huma rikonoxxuti għall-kisbiet tagħhom fil-festivals tagħhom kif ukoll dan ir-rikonoxximent jgħaqqadhom aktar flimkien f’impenn għal kollaborazzjonijiet futuri.

Il-President ta’ Reġjun Għawdex, Samuel Azzopardi, ikkummenta: “Aħna onorati li qed ningħaqdu mal-komunità EFFE Seal, u nuru l-impenn tagħna biex inrawmu l-kontribuzzjonijiet vibranti sabiex il-festivals tal-arti jagħtu l-ħajja fil-komunitajiet tagħna madwar Għawdex. Billi dħalna f’dan in-netwerk, naffermaw l-impenn tagħna li niċċelebraw il-kultura lokali tagħna u nħaddnu l-valuri fundamentali Ewropej permezz ta’ festivals, kif ukoll li nrawmu konnessjonijiet fi ħdan il-pajsaġġ kulturali Ewropew usa’.”

Għawdex joffri kalendarju vibranti u varjat grazzi għal NGOs artistiċi u organizzazzjonijiet tal-gvern kreattivi u li jaħdmu bla waqfien. Dan ġie rikonoxxut mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Festivals, u ħassew li nistgħu nkunu żieda kbira man-netwerk tagħhom li qed jiffjorixxi, netwerk li jistinka biex jikkollabora u jsib l-aħjar prattiki, sabiex itejjeb is-sostenibbiltà ambjentali u dik soċjali, u jaħdem għall-għan komuni tal-komunitajiet rispettivi tagħna.

Waqt il-Festival tal-Arti ta’ Usedom, madwar 200 delegat minn 51 pajjiż tkellmu dwar is-suġġetti ta’ “Awareness, Caring & Connectivity”. Il-ħtieġa li niffukaw fuq l-arti, ir-rwol tal-festivals fis-soċjetà, il-bidla soċjali, il-paċi globali kif ukoll it-trattament xieraq tan-nies u l-pjaneta tagħna, reġgħu ġew enfasizzati minn angoli differenti.

“Għandna bżonn infakkru lilna nfusna kontinwament dwar ir-rwol tagħna fil-mixja għall-paċi. Il-festivals tal-arti huma lesti li jaħdmu flimkien mal-ibliet u r-reġjuni tagħhom, biex ipoġġu fil-prattika l-qawwa trasformattiva tal-arti,” qal Jan Briers, President tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Festivals.