“Aħna nemmnu li huwa l-PN biss li fl-aħħar mill-aħħar jista’ jkun alternattiva għall-PL li mhux qed jagħti s-soluzzjonijiet lill-poplu Malti u Għawdxi. Din hi responsabbiltà biex ngħarrfu naħdmu flimkien.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jiġi intervistat waqt il-programm Xtra, fejn fakkar kemm pajjiżna jeħtieġlu pjan ekonomiku differenti sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jgħix ħajja aħjar.
“Dan huwa Gvern li jimxi b’knee jerk reaction. Problema tinqalagħlu llum u jara kif se jsolviha. Jien ma naħdimx hekk. Jien nippjana, naħseb u nistudja. Żgur li jrid isir dan l-istudju.”
Waqt din l-intervista, Bernard Grech qal li pjan ekonomiku għal pajjiżna jeħtieġ li jkun ibbażat fuq il-kwalità.
“Huwa ċar li rridu mmorru għall-kwalità u mhux għall-medjokrità. Dan huwa Gvern illi mhux qiegħed jinvesti f’dan il-pajjiż. It-telqa, il-ħmieġ. Dan huwa Gvern li jaħseb li jista’ jibqa’ għaddej kif inhu.”
Bernard Grech fakkar kif pajjiżna qed jitmexxa minn Gvern li jissussidja l-korruzzjoni.
“Dan huwa Gvern li jissussidja l-korruzzjoni. Gvern li nefaq €400 miljun tiegħek biex minnhom ma ħadna xejn fejn jidħlu l-isptarijiet u l-qasam tas-saħħa. Issa qed idur fuq l-Ewropa biex isalva din is-sitwazzjoni. Għandu jiffranka minn fuq is-serq tal-flus.”
Kien hawnhekk li l-Kap tal-PN sostna li l-Kummissarju tal-Pulizija qed jaħrab mir-realtajiet vera li hawn f’pajjiżna. “Din hi t-traġedja ta’ pajjiżna. Għandna Kummissarju tal-Pulizija li ma investigax u issa jġeddulu l-kuntratt. Ara inti, inti għax żgħir jekk nonqsu jinvestigawna u jressquna l-Qorti, imma dawn għaliex għandhom il-patt imxajtan jibqgħu jiddefenduhom,” sostna Bernard Grech.
Quddiem dan kollu, hu saħaq fuq l-unika alternattiva għat-tmexxija ta’ pajjiżna għaliex huwa biss il-PN li qed joffri s-soluzzjonijiet għall-ġid tan-nies. “Int tista’ tagħmel differenza u allura ngħaqad mal-PN,” qal il-Kap tal-PN Bernard Grech.
//= $special ?>