Il-Ħadd intemm il-Mediterrane Film festival bil-Golden Bee Awards f’pajjiżna fejn kien hemm attivitajiet varji matul il-ġimgħa kollha. Il-ftuħ u l-għeluq kienu state of the art, bl-aqwa equipment sal-inqas dettal. Jidher illi l-Kummissarju tal-Films għad għandu open cheque book fejn jista’ jonfoq il-miljuni f’dan l-avveniment li jidher li ser jibda jsir ta’ kull sena u oħrajn.
Hekk sostniet Julie Zahra, ix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, Arti, Kultura u Films, hekk kif kompliet tispjega li l-Partit Nazzjonalista jemmen u jagħraf l-importanza ta’ din l-industrija, fejn din l-industrija għandha tkompli timrah u fejn il-Malti jkollu l-garanzija tax-xogħol f’din l-industrija.
It-tħassib tal-PN huwa kif persuna waħda, il-Kummissarju tal-Films, jiddetta kollox hu mingħajr ma jikkonsulta ma’ ħadd. Fejn imbagħad tara l-Ministru tat-Turiżmu u entitajiet oħra bil-barka tal-Prim Ministru Robert Abela li jkomplu joħorġu dawn il-miljuni kollha għal dawn l-avvenimenti. L-għeluq ta’ dan il-film festival qed ikun stmat li jilħaq €3.9 miljun waħdu.
Il-Partit Nazzjonalista jesiġi għall-professjonalità tal-Kummissarju tal-Films. Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi wkoll dwar dan il-film li ntwera waqt l-awards bil-kummissarja bħala l-protagonist u kemm ġie jiswa lill-poplu Malti, u jistaqsi wkoll għaliex ħafna mir-rebbieħa ma kinux preżenti għall-premji imma mbagħad intefqu eluf biex inġiebu atturi famużi biex jaqraw isem ir-rebbieħa.
Il-Ministru naqas milli jagħti garanzija dwar kemm il-miljuni ntefqu. Dwar min ser jagħmel tajjeb biex jinġiebu aktar films f’pajjiżna u biex il-Maltin ikollhom ix-xogħol. Naqas ukoll milli jgħidilna kemm verament qed indaħħlu flus fl-ekonomija Maltija b’dawn il-films.
Il-Partit Nazzjonalista jkompli juri t-tħassib tiegħu hekk kif films ta’ budgets kbar qed jitilqu minn pajjiżna u jmorru pajjiżi oħra. Kif wieħed qatt jista’ jiġġustifika l-paga tal-Kummissarju tal-Films, kif ipprova jiġġustifika l-Ministru Clayton Bartolo meta l-garanzija tal-films f’pajjiżna hija fraġli, meta hemm nuqqas ta’ professjonaliżmu, meta hemm nuqqas ta’ rispett lejn dawk li jfasslu l-films lokali fost oħrajn, u fejn ikomplu jisparpaljaw dawn il-flejjes kbar mingħajr ma wieħed jipprova jibbilanċja l-flejjes li ħerġin u dawk li deħlin. Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess biex jara li din l-industrija tibqa’ tikber però mhux għal skapitu ta’ persuna jew tnejn.
Il-kunċett li wieħed itella’ attivitajiet bħal dawn biex jattira x-xogħol f’pajjiżna huwa tajjeb, però l-Partit Nazzjonalista juri t-tħassib kbir tiegħu dwar kif il-miljuni li l-Kummissarju tal-Films bil-benedizzjoni tal-Partit Laburtista fil-Gvern qed jonfoq, humiex se jrendu u jagħmlu tajjeb fl-ekonomija ta’ Malta meta nafu li pajjiżna għandu f’10 biljun dejn u fejn l-Unjoni Ewropea għadha kemm wissiet lil Malta li ser tiffaċċja proċeduri fuq id-defiċit eċċessiv li qed ikompli jagħmel dan il-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota dak li qalet il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono lill-Kummissarju tal-Films biex jirrispetta l-prinċipji ta’ akkontabbilità u governanza tajba. Dwar dan, il-Partit Nazzjonalista wkoll kien tkellem dwar dan kollu fejn is-sajf li għadda anke talab lill-Awditur Ġenerali jinvestiga lill-Kummissarju tal-Films.
//= $special ?>