Lokali Parlament

Il-Bajja tal-Balluta għandha tingħata lura lin-nies u tissolva l-problema tad-drenaġġ


Albert Buttigieg, PN


Il-Bajja tal-Balluta għandha tingħata lura lin-nies billi tissolva l-problema tad-drenaġġ li għadu jiżbroffa fiha.


Dan sostnih id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg meta kien qed jitkellem fl-Aġġornament tal-Parlament.


Albert Buttigieg qal li l-Bajja tal-Balluta issa reġgħet ġiet magħluqa għaliex qed jerġa’ joħroġ id-drenaġġ fiha. Hu kompla li l-gvern ilu jaf b’din il-problema għaliex din ilha snin twal għaddejja. Minkejja dan, il-gvern mhu jagħmel xejn tant li fl-aħħar snin ma sar l-ebda intervent serju biex jipprova jindirizza din il-problema.


Albert Buttigieg qal li dan qed jikkaġuna problema kemm għar-residenti kif ukoll għat-turisti li qed jispiċċaw isibu bajja mimlija drenaġġ. Ir-residenti huma mxebbgħin bl-inkonvinjenti ta’ kuljum f’San Ġiljan minħabba l-kostruzzjoni u l-arroganza ta’ xi wħud minn dawk li jkunu qed jibnu. Inkonvinjent ieħor hu l-iskart tal-ħwienet u r-ristoranti.


Ma’ dan, hemm l-inkonvinjent tal-mużika li tibqa’ għaddejja matul il-lejl. Issa r-residenti jridu jissaportu dan kollu u ma jistgħux imorru jgħumu fil-Bajja tal-Balluta jew lanqas ma jistgħu jimxu fiz-zona minħabba r-riħa ta’ drenaġġ li ħiereġ. Il-gvern għandu responsabbiltà kbira, sostna d-deputat Nazzjonalista, li staqsa jekk hemmx xi interess li f’din il-bajja jibqa’ ħiereġ id-drenaġġ. Hemm xi pjan biex din ma tibqax bajja iżda ssir port?


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern għandu jassigura lir-residenti li m’hemmx dan il-pjan malizzjuż billi jassigura li din il-bajja tinfetaħ mill-ġdid għall-pubbliku.