Lokali

Is-settur marittimu għandu jingħata l-importanza li jixraqlu – PN

Il-Partit Nazzjonalista ltaqa’ ma’ bosta operaturi fis-settur marittimu li esprimew id-diżappunt tagħhom għal kif l-affarijiet waqgħu lura, filwaqt li jinsabu mħassbin li ma jistgħux joperaw kif suppost, hekk kif is-CVC (reġistrazzjoni kummerċjali tal-vetturi) u d-WSOL (Water Sports Operational Licence) waqgħu lura b’xahar u ħolqu tensjoni u stress mal-operaturi biex joperaw fi ħdan il-parametri tal-liġi.

Dan intqal fi stqarrijja mil-Partit Nazzjonalista, immexxijja mix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo.

Barra minhekk, il-bagi (lateral bouys) li huma meħtieġa biex tkun żgurata s-sikurezza fuq il-baħar u li suppost kellhom ikunu installati fl-ewwel ta’ Mejju għadhom pendenti. U numru ta’ zoni tal-għawm ukoll għadhom pendenti meta suppost dan kollu kellu jsir qabel is-sajf u mhux fl-eqqel tiegħu.

Is-sitwazzjoni tilħaq il-qofol hekk kif hemm ukoll nuqqas ta’ preżenza tal-Uffiċjali tal-Infurzar Marittimu minħabba li m’għandhomx ir-RHIBS (dgħajjes) biex jagħmlu xogħolhom. Fil-preżent, it-18-il Uffiċjal qed jaħdmu b’żewġ dinghies antiki, b’Għawdex hu kompletament mingħajr infurzar, u dan kollu minħabba tender korrott li ħalla l-ibħra tagħna mhux siguri.

L-ironija hi li fit-22 ta’ Ġunju, il-Ministru u l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta niedew il-kampanja dwar is-sigurtà fuq il-baħar bl-isem ta’ “Meta tkun traskurat taf tkisser ħajja” meta fil-verità, hi l-istess Transport Malta li tinsab traskurata meta qed taqa’ lura milli tiżgura servizz f’waqtu lill-ħafna operaturi li jikkontribwixxu għall-attività ekonomika fi ħdan is-settur marittimu, kif ukoll is-sigurtà tal-eluf ta’ sidien ta’ dgħajjes u dawk li jagħmlu użu tagħhom.

Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura li dawn in-nuqqasijiet elementari jkunu eliminati, filwaqt li jkun hemm ħidma id f’id mal-operaturi biex ikun żgurat settur sikur u ta’ benefiċċju għal kulħadd.