L-Awstrija u t-Turkija jinsabu mal-aħħar 16 wara li kkwalifikaw minn gruppi mimlija emozzjonijiet. L-Awstrija kkwalifikat bħala rebbieħa ta’ Grupp D b’sitt punti li kien fih lil Franza u l-Olanda.
L-Awstrijaċi ma għaddewx mill-grupp fl-ewwel żewġ parteċipazzjonijiet fil-Kampjonat Ewropew fl-2008 u fl-2016 u għaldaqstant ir-riżultati miksuba sa issa huma diġa kisba impressjonanti hekk kif jinsabu fil-fażi tan-knock-out għat-tieni edizzjoni konsekuttiva.
Aktar minn hekk, il-prestazzjonijiet fit-tliet logħbiet tal-grupp kienu pożittivi u dan ikompli jagħmel kuraġġ lit-tim ta’ Ralf Rangnick biex jemmen li l-Awstrija tista’ tavvanza mal-aħħar tmienja għall-ewwel darba. Minn meta Rangnick ħa t-tmexxija tat-tim f’Ġunju tal-2022, il-Portugall, l-Olanda u Spanja kellhom persentaġġ għola ta’ rebħ.
Madankollu f’logħbiet kompetittivi, it-Turkija mhix megħluba kontra l-Awstrija fl-aħħar ħames logħbiet, għalkemm dan se jkun l-ewwel konfront minn meta spiċċaw 0-0 fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-2012.
It-Torok jinsabu f’din il-fażi wara rebħa ta’ 2-1 kontra r-Repubblika Ċeka. Għalkemm kienu jafu li punt hu biżżejjed u lagħbu l-maġġoranza bi plejer aktar, il-gowl tad-draw ħalliehom f’tensjoni. Kien il-gowl ta’ Cenk Tosun lejn it-tmiem li serraħ ras it-Torok li spiċċaw fit-tieni post.
B’hekk it-Turkija tinsab fil-fażi tan-knock-out għat-tielet darba u għall-ewwel darba mill-2008. Żgur li se jkollhom l-appoġġ tal-partitarji hekk kif fil-Ġermanja hemm eluf kbar ta’ Torok li huma residenti fil-pajjiż organizzattiv.
Rangnick se jagħmel tal-anqas bidla fit-tim minħabba li l-winger Patrick Wimmer hu sospiż. Konrad Laimer jew Christoph Baumgartner huma l-favoriti li jieħdu l-post. Marko Arnautovic bi dwell ma’ Michael Gregoritsch biex imexxi l-attakk.
Għat-Turkija, Vincenzo Montella se jkollu jgħaddi mingħajr il-captain Hakan Calhanoglu u d-difensur ċentrali Samet Akaydin wara li t-tnejn irċevew it-tieni karta safra kontra r-Repubblika Ċeka. Abdulkerim Bardakci jirritorna minn sospensjoni u għandu jifforma l-koppja difensiva ċentrali ma’ Merih Demiral.
Mert Gunok għandu jibda fil-lasta filwaqt li Okay Yokuslu, Kaan Ayhan u Orkun Kokcu jissieltu għal min se jilgħab flok Calhanoglu. Iż-żgħażagħ Kenan Yildiz u Arda Guler mistennija jipprovdu l-maġija fil-fażi offensiva.
//= $special ?>