EURO 2024 Futbol Sport

L-Olanda fil-kwarti finali b’rebħa komda fuq ir-Rumanija

(Ritratt: EPA)

RUMANIJA…………….0

OLANDA………………..3

Rumanija: F.Nita, A.Raitu, R.Dragusin, A.Burca, V.Mogos (B.Racovitan 38’), M.Mari (A.Cicaldau 72’)n, D.Man, N.Stanciu (D.Olaru 88’), R.Marin, I.Hagi (D.Alibec 72’), D.Dragus (V. Mihaila 72’)

Olanda: B.Verbruggen, D.Dumfries, S.de Vrij, V.van Dijk, N.Ake (M.van de Van 68’), X.Simons, J.Schouten (J.Veerman 69’), T.Reijnders, S.Bergwyijn (D.Malen 46’), M.Depay (D.Blind 90’), C.Gakpo (W.Weghorst 84’)

Imwissija: M.Marin 67’, N.Stanciu 81’ (R), D.Dumfries 78’, D.Malen 90’

Skorjaw: C.Gakpo 20’, D.Malen 83’, 90+3’ (O)

Referee: Felix Zwayer (Ġermanja)

L-Olanda għamluha għar-rawnd li jmiss b’rebħa komda fuq ir-Rumanija bl-iskor finali jkun 3-0.  Ir-Rumanija wrew reżiljenza kbira matul il-partita, madankollu l-kwalità tat-tim Olandiż renjat f’dan il-konfront biex b’hekk ikkwalifikaw għall-kwarti finali.

L-Olanda bdew fuq nota tajba hekk kif CODY GAKPO skorja t-tielet gowl personali fil-kompetizzjoni b’xutt potenti u preċiż fuq l-ewwel lasta li ma jħalli l-ebda ċans lil Nita biex jintervjeni.

4 minuti wara r-Rumanija jirrispondu b’azzjoni veloċi li waslet mix-xellug permezz ta’ Stanciu li lagħab f’saqan Dennis Man, b’dan tal-aħħar ma jirnexxielux jikkonkludi sew fix-xibka.

Botta u risposta tlett minuti war hekk kif issa kien imiss Stefan de Vrij li jersaq viċin tal-gowl għall-Olanda, bid-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi ftit barra.

B’dik l-azzjoni l-ewwel taqsima tintemm 1-0 għall-Olandiżi, bir-Rumeni jassorbu l-pressjoni u jipprovaw jaqbdu lill-avversarji bil-kontrattakk.

Fil-54 minuta l-Olanda jerġgħu joħorġu jattakkaw. Okkażjoni perikoluża minn Memphis Depay, bil-konklużjoni tkun diffiċli għal Raitu, u jħalli lil Racovitan li jaqla’ il-ballun minn fuq il-linja.

Fit-58 minuta din id-darba l-Olanda perikolużi minn korner, Virgil van Dijk jgħolla minn fuq l-avversarji u jagħti daqqa ta’ ras b’saħħita, li taħbat mal-lasta u toħroġ barra.

4 minuti wara l-iskorer Cody Gakpo jittanta xortih minn barra l-kaxxa, b’Nita jdawar f’korner. Minuta wara l-istess Gakpo tefa’ ġewwa mill-viċin wara l-ewwel konklużjoni ta’ Ake ma kienitx tajba biżejjed, madankollu wara konsultazzjoni tal-VAR il-gowl ġie annulat hekk kif Gakpo kien f’pożizzjoni rregolari.

Fit-73 minuta ċans tajjeb għall-Olanda li wasal minn Joey Veerman li b’ġirja daħal fil-kaxxa u kkonkluda fil-baxx, bil-ballun jgħaddi ftit barra.

L-Olanda sabu l-gowl tant mistenni fit-83 minuta permezz tas-sostitut DONYELL MALEN, b’din id-darba l-iskorer tal-ewwel gowl Gakpo joħloq l-azzjoni b’pass tajjeb lejn Malen, li bil-kalma jsib ix-xibka.

DONYELL MALEN reġa sab ix-xibka fl-aħħar mumenti tal-partita minn kontrattakk tipiku tal-Olandiżi, bil-plejer ta’ Borussia Dortmund jiskorja d-doppjeta personali.