Internazzjonali

L-Olanda: Il-Gvern ta’ Schoof jieħu l-ġurament tal-ħatra

Il-Gvern radikali tal-lemin li, fost oħrajn, qed jippromwovi politika kontra l-immigrazzjoni, ingħata l-ġurament tal-ħatra fi żvilupp ieħor storiku għall-Olanda.

Din hi realtà ġdida għall-Olanda wara li l-kandidati radikali tal-lemin – kontra l-aspettativa tal-analisti – rikbu l-mewġa ta’ għadab popolari għall-Gvern preċedenti biex komplew jirriflettu l-appoġġ ġenerali għall-partiti oħrajn tal-lemin madwar l-Ewropa li wkoll qegħdin jopponu l-immigrazzjoni.

L-għoli tal-ħajja, l-issues ambjentali u l-falliment fis-sistema għall-kenn politiku lill-immigranti kienu kollha kwistjonijiet jaħarqu qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Novembru li għadda.

Wara xhur ta’ negozjati politiċi, intlaħaq ftehim biex il-Gvern Olandiż ġdid, b’sorpriża, jitmexxa minn Dick Schoof li hu l-Eks Kap tas-Servizz Sigrieti Olandiżi.

Schoof, fil-fatt, hu l-ħames persuna li kien avviċinat biex jippresiedi fuq koalizzjoni ta’ diversi entitajiet politiċi u meta kien ukoll il-kandidat ‘ta’ konsensus’ f’dawn iċ-ċirkustanzi.

Hu, issa, qed jieħu r-riedni tal-pajjiż wara l-era ta’ Mark Rutte – l-aktar Prim Ministru Olandiż li kien ilu fil-kariga u li issa qed iħejji biex jassumi r-rwol ta’ Segretarju Ġenerali tan-NATO minflok Jens Stoltenberg.