Lokali Parlament

Michael Falzon jitfa’ r-responsabbiltà tal-korruzzjoni fil-benefiċċji għall-persuni b’diżabbiltà severa fuq il-mediċi


Il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon tefa’ r-responsabbiltà tal-korruzzjoni fl-iskema ta’ benefiċċji għall-persuni b’diżabbiltà severa fuq il-mediċi u sostna li mhux sew li dejjem jissawtu l-politiċi.


Il-Ministru Falzon għamel din id-dikjarazzjoni meta fil-Parlament kien qed iwieġeb mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici li staqsiet lill-Ministru Falzon jekk iħossux komdu quddiem id-dikjarazzonijiet li għamel persuna li kien involut f’din l-iskema korrotta.


Il-Ministru Falzon beda billi kkundanna l-mod kif dan il-persuna tkellem fuq stazzjon tar-radju nhar is-Sibt li għadda meta l-proċeduri għadhom għaddejjin. Filwaqt li baqa’ jirriferi għal dan il-każ bħala allegazzjoni, il-Ministru Michael Falzon qal li żgur li hu mhux kuntent b’dak li ġara f’din l-iskema ta’ abbużi minn benefiċċji soċjali għall-persuni b’diżabbiltà severa. Hu sostna li dak il-każ seħħ għax kien hemm struttura li ma għamlitx dak li kellha tagħmel.


Dawn huma deċiżjonijiet mediċi u m’għandhomx jissawtu l-politiċi, sostna Michael Falzon, li qal li x-xejra fl-Ewropa sejra lejn u l-lemin estrem. F’dan il-kuntest, Michael Falzon għamel anki riferenza għall-kandidati presidenzjali fl-elezzjoni Amerikana.


Hu għamel ukoll riferenza indiretta għall-istorja dwar rapporti fuq l-Eks Deputat Prim Ministru Laburista Chris Fearne u qal li jekk isir hekk, allura hu jsir agħar mill-bojja tar-rivoluzzjoni Franċiża.
Il-Ministru Falzon qal li hu ma kien qed jiddefendi lil ħadd f’dan il-każ.