Ir-Rumanija qed tfittex li toħloq sorpriża oħra fi Munich illum kontra l-Olanda. Ir-Rumeni jinsabu din il-fażi bħala rebbieħa ta’ Grupp E filwaqt li l-Olanda spiċċat fit-tielet post fi Grupp D, pożizzjonijiet li ftit kienu mbassra qabel il-bidu tal-Euro 2024.
Għall-ewwel darba fl-istorja, erba’ timijiet spiċċaw il-grupp rispettiv kollha b’erba’ punti iżda permezz tar-rebħa b’vantaġġ ta’ tliet gowls kontra l-Ukrajna, ir-Rumanija spiċċat b’differenza tal-gowls superjuri. B’hekk ir-Rumanija temmet 24 sena ta’ stennija biex tikkwalifika minn grupp.
L-Olandiżi fetħu tajjeb b’rebħa fuq il-Polonja filwaqt li spiċċaw 0-0 kontra Franza, f’logħba li kellhom gowl kontroversjali imħassar ta’ Xavi Simons. Kienet it-telfa ta’ 3-2 kontra l-Awstrija li kkundannathom għat-tielet post, għalkemm xorta kkwalifikaw.
Kif żvolġew ir-riżultati, l-Olandiżi huma l-uniċi mit-tabella tal-lemin (jew it-tabella ta’ isfel), li fil-passat rebħu l-Kampjonat Ewropew. L-Olanda tilfet biss darba minn 13-il logħba kontra r-Rumanija iżda lagħbu darba biss kontra xulxin f’kompetizzjoni maġġuri.
Il-kowċ tar-Rumanija Edward Iordanescu se jkollu lil Nicusor Bancu nieqes minħabba li hu sospiż. Id-dwell għal min se joħodlu postu hu bejn Vasile Mogos u Deian Sorescu. Fl-attakk, Ianis Hagi, Dennis Man, Florinel Coman u Valentin Mihaila kollha qed jissieltu għal min se jkun mal-linji biex jagħti l-appoġġ lil Denis Dragus.
Ronald Koeman mistenni jkollu l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni iżda xorta mistenni li jagħmel ftit bidliet. Xavi Simons mistenni jirritorna fit-tim, b’Tijjani Reijnders u Jerdy Schouten mistennija jkomplu nofs il-grawnd. Memphis Depay mistenni jerġa’ jmexxi l-attakk wara li skorja fl-aħħar konfront kontra l-Awstrija.
//= $special ?>