Lokali

Steward nefqu miljuni biex jeliminaw kull kritika

Il-manuvri ta’ Steward, dejjem skont il-provi li ħarġu sa issa, huma manuvri fuq stil mafjuż – bi spjunaġġ fuq dawk kollha li kienu kontrihom.

Il-pjan kien sempliċi: li jnaddfu isimhom b’kull mezz possibbli.

Il-ġurnal awtorevoli Amerikan Boston Globe qed jirrapporta kif kemm Chris Fearne kif ukoll numru ta’ presuni oħra minn madwar id-dinja sfaw vittmi ta’ Steward Healthcare għaliex rawhom bħala theddida.

Dan il-komplott ħareġ ċar minn vidjows u dokumenti oħra li kisbu l-ġurnalisti tal-Organized Crime and Corruption Reporting Project li tqasmu wkoll lil Boston GlobeSpotlight Team, li wrew kif t’temp ta’ ħames snin bejn l-2018 u l-2023, Steward nefqu $7 miljun bil-għan li dawn il-kritiċi ta’ Steward jiġu mrażżna.

Il-Boston Globe żvelat ukoll kif l-ewwel darba li Steward Healthcare talbet għal spiji kien proprju f’Malta, fejn kien sar dak li sejħu ‘deal kontroversjali’. Bil-ġurnal jirrapporta wkoll kif żewġ eżekuttivi ta’ Steward Health Care qed jiffaċċjaw kawżi kriminali fil-Qorti talli serqu flus il-poplu Malti.

Boston Globe żvelat ukoll kif ftit wara li Steward mexxew il-headqaurters tagħhom minn Boston għal Dallas, it-tmexxija ta’ Steward xtaqet tespandi u għażlu lil Malta għax kienet ‘mira faċli’. Kien proprju f’dan il-mument li Armin Ernst fassal deal ta’ $4.23 biljun mal-Gvern ta’ Malta – meta dak iż-żmien Fearne stess kien sejħilhom the real deal.

Però, allegatament il-flus li kellhom jintbagħtu regolari mill-Gvern ta’ Malta lil Steward bdew jieħdu iktar fit-tul minn kemm kien mistenni u dan beda jirrita lit-tmexxija ta’ Vitals li minn naħa tagħhom bdew jattakkaw lil Ministru tas-Saħħa ta’ dak iż-żmien Chris Fearne. Tant li f’email partikolari li Armin Ernst kiteb lil Fearne fl-2018, qallu li jinsab verament frustrat.

Fl-2021, email miktub minn Mark Rich, indika li Steward kienu lesti li jiftħu kawża legali fil-Qorti tal-Istati Uniti kontra Fearne u persuni oħra li kienu kkritikaw lil Steward.

Minkejja li dawn il-kawżi qatt ma materjalizzaw, Chris Fearne spiċċa fil-mira ta’ Steward hekk kif dan ripetutament talab biex Steward jagħmlu dmirjiethom u joffru servizz mediku.

Għalhekk Steward Health Care ħejjew pjan li jiswa xejn inqas minn $300,000 sabiex jiżvelaw istanzi fejn dawn il-persuni li kritikaw lil Steward, setgħu għamlu xi azzjoni illegali. Dan kollu bil-għan li din l-informazzjoni anonimament tintbagħat lil media lokali.

Kien hawn fejn il-kumpanija privata ta’ spiji  qalet li ġew trasferitit €3.2 miljun f’kontijiet bankarji lit-tifla ta’ Carmen Cinatar li dak iż-żmien kienet iċ-Chief of Staff ta’ Fearne. Il-pagament lil Celine Ciantar kien sar f’Novembru tal-2019 minn sieħeb Igor Levitin. konsulent tal-President Russu Vladimir Putin.

Levitin, li għal żmien twil kien konsulent tal-President Russu Vladimir Putin, kien akkwista passaport Malti, minkejja l-bosta sanzjonijiet li kienu jipprojbixxu dan milli jsir. F’dokument bl-isem ta’ ‘Malta: Abuse of Passport Scheme’ Fearne ġie deskritt bħala persuna li abbuża mill-pożizzjoni tiegħu bħala Ministru biex ta l-passaport lil Igor Levitin.

Dan l-istess d-dokument kien miktub mill-kumpanija ta’ spiji CT Group, u ġie deskritt bħala dokument frawdolenti.