Nittama li wara d-diskors li wassalt il-Ħadd filgħaxija waqt il-Mediterrane Film Festival, tkompli tisħaq fuq l-importanza ta’ governanza tajba, bil-għan li xi darba f’pajjiżna nersqu lejn politika matura.
Hekk stqarr Oliver Mallia, l-Eks Kummissarju tal-Films, b’referenza għad-diskors li waslet il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono waqt l-avveniment tal-Mediterrane Film Festival li sewa xejn anqas minn €4 miljun .
Permezz ta’ post fuq Facebook, l-Eks Kummissarju tenna li jekk mil-lum jibdew jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji, il-President ma jkollhiex għalfejn tistaqsi dwar in-nefqa f’avvenimenti bħal dawn, u l-artisti lokali ma jkollhomx għalfejn jipprotestaw biex ikunu stmati b’rispett.
Mallia għamel referenza għall-fatt li f’sena sar investiment ta’ miljun ewro biss fuq produzzjonijiet lokali, u qal li dan huwa insult għal producers, diretturi u awturi lokali li jaħdmu bla waqfien.
Bi €8 miljun li ntefqu f’sena għal dawn iż-żewġ edizzjonijiet tal-festival, seta’ nbena ċentru taċ-ċinema, jew inkella Malta setgħet tissieħeb mal-Kunsill tal-programmi tal-Ewropa – Eurimage, kompla jikteb Mallia f’ittra indirizzata lill-President ta’ Malta.
Bil-flus li ntefqu fuq il-festivals, il-Kummissjoni tal-Films setgħet ukoll tkompli tgħin lill-artisti lokali fil-kitba u l-produzzjoni tal-films jew tas-serje televiżivi. Il-Kummissjoni setgħet minflok investiet fi programmi edukattivi dwar il-films kemm għal dawk li jixtiequ jaħdmu fl-indstrija kif ukoll għall-udjenza.
Festival tal-films ta’ suċċess huma dawk li jsaħħu l-kommunita, u tul s-sena kollha, u mhux dawk li fuqhom jintefqu miljuni ta’ ewros minn but il-poplu biex isiru ikliet lussuzi u jiġu kantanti internazzjonali.
Mallia qal ukoll li mhux minnu li fil-preżent hemm 1,000 persuna taħdem mal-Malta Film Commission, waqt li spjega wkoll li ma hemm l-ebda qbil dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, hekk kif il-proposti li kien ressaq il-Gvern ma kinux approvati mill-ħaddiema u lanqas minn min iħaddem.
Dwar il-Mediterrane Film Festival u d-diskors tal-President Spiteri Debono, tkellem ukoll il-Partit Nazzjonalista fejn permezz ta’ stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Kummissarju Johan Grech qed jiddetta kollox hu mingħajr ma jikkonsulta ma’ ħadd. Waqt li l-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo, bil-barka tal-Prim Ministru Robert Abela, kompla joħroġ il-miljuni.
Julie Zahra, ix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, Arti, Kultura u Films, sostniet li l-Partit Nazzjonalista jesiġi għall-profesjonalità tal-Kummisarju tal-Films, u saħqet li l-Ministru Bartolo għandu jkun iktar trasparenti.
//= $special ?>