Lokali

Carmen Ciantar tistaqsi min għamel “dan il-frame-up politiku”

“Lanqas stajna naslu għal min iffinanzja dan il-plot ta’ ħażen.”

Hekk iddikjarat dik li kienet l-id il-leminija ta’ Chris Fearne, Carmen Ciantar, meta fl-aħħar sigħat irreaġixxiet pubblikament għar-rappurtaġġ tal-OCCRP fejn ikkonfermaw li ta’ Steward iffabbrikaw fake news kontra nies li kienu qed jikkunsidrawhom bħala theddida.

Carmen Ciantar temmen li din ma kinitx sempliċi antipatija min-naħa ta’ Steward Healthcare; iżda dan kien frame-up politiku. “Jien u binti sfajna vittmi ta’ dannu fi frame-up politiku li sar minn forzi mudlama li kienu qed jimmiraw lejn il-Ministru responsabbli mill-FMS, Chris Fearne. Il-fatt li kellna naffaċċjaw dan il-gideb faħxi fil-pubbliku, mingħajr ma nsiru nafu min hemm warajh u min iffinanzjah, kien insapportabbli.”

Ciantar iddikjarat li “fuq nota personali, jien u binti, flimkien mal-familja tiegħi, inkluż il-ġenituri anzjani tiegħi, soffrejna b’mod tremend minn din is-sitwazzjoni. Kien qisu għadna kif ħriġna minn ħolma tal-waħx matul dawk ix-xahrejn.”

Bħal Chris Fearne, anke Carmen Caintar marret għand il-Kummissarju Angelo Gafà.

Ilbieraħ mort għat-tieni darba għand il-Kummissarju tal-Pulizija, għaliex irridu nkunu nafu min wettaq dan il-frame-up u min iffinanzjah. B’mod sempliċi, min huma l-forzi mudlama li għamlu dan kollu, lili u lil binti, lill-FMS, lill-Ministeru u lil dan il-pajjiż? Ladarba dawn il-mistoqsijiet jiġu mwieġba, xejn mhu ser iżommna milli nesploraw kawża għad-danni.”