“Jekk Robert Abela jimxi mal-pjan li jinnomina lil Edward Zammit Lewis għal Imħallef fil-Qorti Ġenerali tal-UE ikun qed jirrifletti l-karattru Malti ta’ Ġaħan”.
Hekk iddikjara l-editorjal tat-Times of Malta, fid-dawl tal-fatt li jidher li Robert Abela se jkun qed jinnomina lil Edward Zammit Lewis sabiex ikun ġudikant fil-Qorti tal-UE. L-editorjal jispjega li bħalma Ġaħan ġibed il-bieb warajh, Zammit Lewis se jkun qed jieħu d-dnubiet u l-passat mimli skandli tiegħu lejn il-Lussemburgu.
L-editorjal spjega li kienu ħafna dawk li kkundannaw il-pjan wara n-nomina ta’ Zammit Lewis, fejn għamel referenza għall-kliem tal-PN li ddeskriva n-nomina bħala insult għal dawk kollha li verament jemmnu fil-ġustizzja.
Spjega wkoll li kienu l-NGO Repubblika li kitbu liċ-chairperson ta’ min janalizza n-nomini ta’ dawn il-kandidati, bir-raġunijiet kollha għalfejn l-Eks Ministru Laburista m’għandux jokkupa din il-kariga.
Hawn, ġie spjegat li fil-ħajja politika tiegħu, l-Eks Ministru Laburista u issa backbencher fil-Parlament Malti wera nuqqas fl-abbiltà tiegħu sabiex jiġġudika, nuqqas ta’ rieda li jaġixxi b’kuxjenza u kunflitt fl-etika fejn jidħlu d-dmirjiet kostituzzjonali tiegħu bħala uffiċjal pubbliku – b’referenza għar-relazzjoni li kellu Edward Zammit Lewis man-negozjant implikat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia – Yorgen Fenech.
Il-Qorti Ġenerali tal-UE hija waħda mill-Qrati li jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja fl-UE u li jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi madwar il-pajjiżi Ewropej. L-editorjal jispjega li l-kandidati għal kariga ta’ Imħallef fil-Qorti tal-UE mhux talli għandu jkollhom għarfien fil-liġijiet Ewropej imma għandu jkollhom moralità u jkunu imparzjali.
Intant, l-editorjal spjega li l-Prim Ministru għandu jeħles lill-pajjiżna minn disfatta oħra u jirtira n-nomina ta’ Edward Zammit Lewis. It-Times tistaqsi wkoll meta l-Gvern se jitgħallem li karigi bħal dawn ma jistgħux ikunu okkupati minn nies tal-qalba imma b’nies li huma kkwalifikati għal dawn il-pożizzjonijiet.
//= $special ?>