Raġel b’passaport Olandiż ta’ 37 sena u li huwa mis-Surinam, kien ikkundannat erba’ snin ħabs wara li ammetta li fis-6 ta’ Settembru tal-2022 importa l-kokaina f’Malta. Melvin Roberto Nunes kien inqabad bid-droga minn uffiċjali tad-dwana fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta malli wasal b’titjira minn Brussell fin-12.30pm.
Nunes kien instab li qed iġorr pakkett żgħir bil-cannabis li qal li kien għall-użu personali, iżda wara iktar tiftix instabu 200 gramma kokaina fil-qalziet ta’ taħt, marbuta bit-tape mal-parti tiegħu. Meta ġie mixli quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca b’importazzjoni, traffikar u pussess tal-kokaina, Nunes kien ċaħad l-akkużi, iżda iktar tard ammetta wara patteġġjament fuq il-piena bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, ikkundannat lil Nunes erba’ snin ħabs u mmultatu €7,000. Huwa kien ordnat iħallas ukoll is-somma ta’ €5,874 fi spejjeż tal-esperti tal-Qorti fi żmien xahar, u kellu l-assi kollha tiegħu kkonfiskati. Fin-nuqqas li jħallas il-multa u l-ispejjeż tal-Qorti, jew waħda minnhom, dawn jiġu konvertiti f’ħabs. Il-Qorti ordnat ukoll il-qerda tad-droga f’każ li din m’għadx hemm bżonnha f’każijiet oħra pendenti.
//= $special ?>