Internazzjonali

F’lejlet l-elezzjoni fir-Renju Unit: Kollox qed jindika li l-Gvern se jinbidel għall-ewwel darba mill-2010

Leader of the Labour Party Keir Starmer speaking at the Labour Regional Conference in Barnsley. Picture date: Saturday October 15, 2022.

Il-poplu Britanniku, għada l-Ħamis, jivvota fl-elezzjoni ġenerali li mistennija tissarraf f’rebħa konvinċenti għall-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni.

Sadanittant, il-Prim Ministru Britanniku u Kap tal-Partit Konservattiv, Rishi Sunak, fl-aħħar sigħat ipprova jimminimizza l-impatt tal-kummenti ta’ wieħed mill-Ministri tiegħu li sostna li l-Laburisti ta’ Keir Starmer resqin lejn rebħa kbira li tista’ anki tkun l-akbar waħda mir-rebħa tal-1997, meta l-Laburisti kienu mmexxija mill-Eks Prim Ministru Tony Blair.

Filwaqt li l-Konservattivi ilhom sejrin ħażin fl-istħarriġ popolari – fost it-telf kontinwu tad-distretti fil-by-elections – Mel Stride, li hu l-Ministru għax-Xogħol u l-Pensjonijiet, qal sigħat ilu, li ‘jaċċetta li l-poplu kapaċi jagħti telfa umiljanti lit-Tories’.

Il-korrispondenti politiċi, intant, qalu li mhux normali li Ministru – jew deputat parlamentari li jifforma parti minn Gvern – jammetti t-telfa b’dan il-mod f’lejlet elezzjoni.

Min-naħa tiegħu, Rishi Sunak għamilha ċara li hu u l-partit tiegħu qegħdin ‘jiġġieldu għal kull vot’. Dan meta fl-aħħar jiem, il-Konserattivi kienu qed jaħdmu fuq strateġija ta’ persważjoni indirizzata lill-partitarji li vvutawlhom fil-passat u li jistgħu jibdlu l-għażla fl-elezzjoni tal-lum.

Sunak, fil-fatt, mexxa ħafna mill-kampanja fid-distretti li, qabel, dejjem ivvutaw favur il-Konservattivi. Iżda l-potenzjal ta’ rebħa sorpriża għat-Tories qed tidher tassew minima – tant li t-tama ta’ ħafna Konservattivi hi li ma jitilfux b’hekk imsejjaħ landslide ta’ voti.

Fl-istess ħin, maġġoranza straordinarja għal-Laburisti ma jkollhiex xi impatt straordinarju għall-kompożizzjoni tal-Gvern u lanqas ma tiggarantixxi l-poteri eżekuttivi addizzjonali għall-partit rebbieħ.

Sadanittant, il-Kap Laburista Keir Starmer qal li mhux inkwetat dwar il-fatt li l-Eks Prim Ministru u Kap tat-Tories, Boris Johnson involva ruħu fil-kampanja elettorali tal-Konservattivi waqt li qal li l-aħħar 14-il sena tat-tmexxija tat-Tories kienu karatterizzati bil-kaos u d-diżgwid.

Madankollu, Starmer, f’lejlet l-elezzjoni, kompla jiddefendi l-fatt li, mill-2019 ‘il hawn, aċċetta l-affarijiet ‘kumplimentarji’ mingħand id-donaturi, fosthom biljetti biex jara l-logħob tal-Premier Ingliż, ħwejjeġ u anki mezzi biex hu jgawdi b’xejn tipi oħra ta’ divertiment.

Dawn l-hekk imsejħa ‘freebies’, skont riċerka tal-Financial Times, b’kollox swew madwar 80,000 Sterlina u Starmer qed jidher l-aktar determinat li jiddefendi lilu nnifsu kontra l-allegazzjoni li hu aċċetta rigali ta’ ħwejjeġ ekwivalenti għal kwart ta’ din is-somma.

Dan, fost il-kummenti ta’ Starmer li hu dejjem mexa skont ir-regoli u ‘jekk politiku jaċċetta l-flus jew ħaġa oħra mingħand donatur, hu jrid jagħmel dikjarazzjoni ċara u reġistrata’.

Sadanittant, il-Partit Liberali Demokratiku qed jittama li, din id-darba, jirbaħ il-voti mid-distretti li sa ftit ilu kienu fortizzi tat-Tories, bil-Kap Ed Davey isostni li ma jeżistix limitu għall-ambizzjonijiet tal-partit tiegħu.

Fl-Iskozja, il-Partit Nazzjonali Skoċċiż (SNP) li fl-aħħar snin għadda minn diversi skandli, ammetta li l-elezzjonijiet għall-Iskoċċiżi kapaċi jagħtu kull riżultat anki jekk ftit qed jistenna sorpriżi fl-elezzjonijiet li qed isiru fl-Ingilterra.